Filmat: “Talabni ngħinu għax kien waħdu” – volontier dwar Patri Dijonisju

Voluntier li huwa oriġinarjament mill-Kenja spjega kif Patri Dijonisju Mintoff kien talbu jibda jmur jgħinu fil-Laboratorju tal-Paċi mal-immigranti resident għax hu kien qed jagħmel dan waħdu u kien qed jixjieħ.

Hu u jitkellem ma’ Newsbook.com.mt, il-voluntier li ġie Malta biex jistudja spjega li hu kien ġie ispirat mix-xogħol għall-umanità li jsir f’dan il-post f’Ħal Far. Qal li meta ġie hawn Malta, mill-Italja biex jistudja, kien żar il-Laboratorju tal-Paċi, hemm iltaqa’ ma’ Patri Mintoff. Hu kien ħeġġu jibda jgħin u hu beda jqatta’ ħafna minn ħinu hemm.

Bħalissa, iż-żagħżugħ qed ikompli l-istudji tiegħu fil-qasam internazzjonali. Hu ggradwat b’Masters in International Studies mill-Università ta’ Sienna.

Spjega li fir-residenza hemm jgħixu aktar minn 50 żagħżugħ minn diversi pajjiżi bħas-Sudan, Mali, Gambja, Senegal, Ghana u n-Nepal. Qal li dawn jiġu mgħallma jirrispettaw lil xulxin. Dan hekk kif hemm persuni b’reliġjonijiet differenti, fosthom hemm Kristjani u Musulmani. Qal li huma jgħallmuhom jgħixu flimkien bħal aħwa.

“Jekk tiġu tkellmuhom ukoll tkunu qed tagħmlu ħafna” – Patri Dijonisju

Min-naħa tiegħu, Patri Dijonisju spjega li t-tama tiegħu hija li jara aktar żgħażagħ jgħinu f’dan il-Laboratorju tal-Paċi. Qal li ma hemmx bżonn xi ħafna xogħol, imma jekk xi nies imorru sa Ħal Far u jqattgħu ftit ħin magħhom u jkellmuhom, diġà jkunu qed jagħmlu ħafna. Hu ilu jaħdem u jmexxi dan il-proġett ta’ paċi għal 40 sena.

Spjega li kull min ikollu bżonn l-għajnuna jista’ jmur f’dan il-post. Qal li r-residenti jsibu post fejn jorqdu, fejn jieklu u jixorbu. Spjega li l-bieb ikun dejjem miftuħ, 24 siegħa kuljum.

Din il-ġimgħa, l-Arċisqof Charles Scicluna għamel żjara speċjali fil-Laboratorju tal-Paċi. Hu qal li filwaqt li l-immigranti li jiġu Malta jkunu qed ifittxu għajn ta’ tama, huma jistgħu jservu wkoll ta’ tama għall-poplu Malti u Għawdxi.