“Tal-Year 1 għandhom iżżejjed homework” – ġenituri

Read in English.

Il-ġenituri u l-għalliema jaħsbu li t-tfal tal-ewwel sena tal-primarja għandhom iżżejjed homework. Dan skont it-teżi tal-PhD ta’ Charmaine Bonello mal-Università ta’ Sheffield.

L-istudju sar fi tliet skejjel tal-Gvern f’Malta u tlesta f’Settembru tal-2018. Fost id-diversi kwistjonijiet li trattat it-teżi, kien hemm dik tax-xogħol għad-dar li jingħataw l-istudenti ż-żgħar nett.

Bonello tkellmet ma’ żewġ ġenituri li t-tnejn kellhom kummenti negattivi dwar il-homework.

Waħda minnhom, Nina, qalet li x-xogħol li t-tifel tagħha ma jirnexxilux ilesti fil-klassi jkollu jagħmlu d-dar. Qalet li jkollu sa tmien tipi differenti ta’ homework.

Omm oħra, Lara, qalet li t-tifel dejjem jgħid l-istess ħaġa meta ssemmilu l-istudju u l-kitba tad-dictation. “Uff erġajna!” jgħidilha t-tifel.

Bonello sabet li l-għalliema kollha tal-Year 1 li intervistat instemgħu għajjenin meta semmew it-textbooks u l-workbooks. Qalet li dawn ir-riżorsi qed jinħolqu mill-għalliema filwaqt li hemm oħrajn li qalu li kienu sfurzati jużawhom bħala parti mis-sillabu.

Instab li l-maġġoranza tal-ġenituri qablu li x-xogħol għad-dar tal-kitba u d-dictations ta’ kuljum kienu qed joħolqu piż fuq il-familja u fuq it-tfal. Bonello qalet li riċerka li saret dan l-aħħar turi li mhemmx evidenza li l-homework itejjeb il-prestazzjoni akkademika ta’ studenti tal-primarja. Fl-iskejjel sekondarji jkun hemm xi benefiċċji. Però Bonello qalet li jidher li l-homework se jibqa’ preżenti fil-kurrikulu tal-primarja. Qalet li l-Gvern irid li t-tfal tal-primarja jkollhom sa 20 minuta homework kuljum.

Il-Ministru jwiegħed inqas homework għat-tfal

X’qalu t-tfal?

Bonello tkellmet ukoll mat-tfal infushom biex tara x’jaħsbu dwar il-homework u d-dictations.

“Ma tantx ħadt gost nagħmilhom għax idejja jweġġgħuni” qal Mark. Jamie qal li “dak ħafna xogħol.”

Fi skola oħra, Luca qal li ma jħobbx il-homework u li jqabbdu d-dwejjaq. Tnejn oħra qalu li jippreferu jilgħabu bil-PlayStation.

Filmat: “Ikollna ħafna homework; aħjar jonqos!”

L-użu tal-kotba tal-iskola u l-worksheets kien komuni fost it-tfal ta’ bejn il-ħames u sitt snin. Il-Kapijiet kollha tad-Dipartiment tal-Litteriżmu ma qabblux mal-użu ta’ dawn ir-riżorsi f’età tant żgħira.

Waħda mill-Kapijiet, Charlene, qalet li mill-esperjenza tagħha, meta jintużaw il-workbooks il-bniet ġeneralment jaċċettaw is-sitwazzjoni però mas-subien ħafna drabi tara mġiba ħażina.

Mill-banda l-oħra, kap ta’ waħda mill-iskejjel qalet li l-użu tal-worksheets kien mod effettiv ta’ kif tfal fil-kindergaten jippreparaw ruħhom għal Year 1. “Kellna ħafna oppożizzjoni mill-edukaturi imma l-ġenituri ħadu gost,” qalet Ms Lina.

‘Imxew lura meta mill-kinder daħlu fil-Year 1’

Waħda mill-ġenituri Mary qalet li ħasset li t-tfal imxew pass lura meta daħlu fl-ewwel sena. Spjegat li fil-Year 1 it-tfal bdew jiktbu l-ittri fuq it-tikkek meta fil-Kindergarten il-karti ma kienx ikollhom tikkek.

It-tliet għalliema tal-ewwel sena li ġew intervistati qalu li l-workbooks kienu repetittivi u li kienu qed joħolqu konfużjoni għall-istudenti bejn il-ħames u s-sitt snin.

“Għandna ħafna kitba! Hemm iżżejjed repetizzjoni. Kull paġna għandha aktar minn 30 ittra bit-tikkek. Aħna sfurzati nagħmluhom. Wieħed mis-subien staqsieni l-aħħar darba: ‘Miss kemm huma tad-dwejjaq dawn!’ X’ħa ngħidlu? Li għandek raġun?” staqsiet waħda mill-għalliema.

Bonello kkwotat riċerka li saret fl-2016 li qalet li jekk biċċa homework ma twassalx biex tifel jew tifla jħobbu aktar l-iskola, mela allura mhemmx postu fil-primarja dak l-eżerċizzju.