Aġġornata: “Tal-VGH sensara biss; il-Gvern ma kellux f’moħħu l-aħjar għas-saħħa” – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, qal li l-Vitals Global Healthcare kienu biss sensara, u l-Gvern kien moħħu biss biex jgħaddi l-isptarijiet lill-aqwa sensar, u mhux lil min kien l-aħjar biex imexxihom.
Dawn il-kummenti Dr Delia għaddiehom waqt kollegament telefoniku fuq Radio 101, meta sostna li l-Oppożizzjoni mhi se tħalli lil ħadd jagħmel il-miljuni bl-assi tal-Maltin u jibqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-PN irid jagħti lura s-servizz tas-saħħa lil min huwa kapaċi joffri l-aqwa servizz ta’ kura għall-Maltin, u fakkar li minkejja li l-Gvern ilu sentejn li ffirma l-kuntratt mal-VGH biex tibda tmexxi l-isptarijiet, il-ftehim għadu mistur sal-lum. Staqsa x’hemm li jimbarazza lill-Gvern f’dan il-kuntratt.
Dwar is-settur tas-saħħa temm jgħid li jekk il-Gvern ma jilqax it-talba tal-Oppożizzjoni biex ikun hemm diskussjoni fil-Kumitat Parlamentari tas-Saħħa dwar dan, se jittieħdu passi oħra.
“Il-Korp tal-Pulizija għajb għall-pajjiż”
Dr Delia tkellem ukoll dwar dak li ġara fl-aħħar ġimgħa fil-Korp tal-Pulizija, wara r-riżenja tal-eks-Assistent Kummissarju Mario Tonna minħabba rapport mis-sieħba tiegħu dwar vjolenza domestika.
Il-Kap Nazzjonalista sostna li l-Korp m’għadux iserraħ ras in-nies, u dan hu ta’ għajb lil Malta, li skont Delia sa ftit illu kien meqjus wieħed mill-aktar siguri.
Enfasizza li din is-sitwazzjoni ma ġietx mix-xejn, u hawnhekk qal li l-Gvern ippermetta attitudni fejn ħadd m’għandu għalfejn jagħti rendikont ta’ għemilu.
Żied jgħid li Muscat daħħal kultura ta’ xejn mhu xejn, fejn il-Kummissarju tal-Pulizija jibqa’ sieket minflok jieħu l-passi li għandu jieħu, u fejn il-Ministru responsabbli joħroġ jiddefendi lil min jagħmel il-ħażin.
“Minflok jgħolli l-livell tal-Korp, il-Gvern ta’ Muscat għażel li jbaxxi l-livell għad-dħul fil-Pulizija, u għalhekk wieħed jibda jifhem għaliex illum huma l-kriminali li jħossuhom komdi”, irrimarka Dr Delia.
“Il-ftehim ma’ Sadeen sar għal skopijiet spekulattivi”
Dwar l-Università Amerikana f’Malta, qal li l-Gvern għalxejn jipprova, fi kliemu, ibellagħha li l-poplu jeħtieġlu jissagrifika art ODZ fiż-Żonqor biex tiġi università ġdida f’Malta.
Saħaq li Muscat kulma kellu f’moħħu li jdaħħal lil xi ħadd barrani li m’għandu x’jaqsam xejn fil-qasam tal-edukazzjoni għal spekulazzjoni tal-art.
Żied jgħid li l-kumpanija li Muscat għażel, Sadeen Education Investment Limited, falliet għax università ma tistax topera bi 15-il student biss.
“Il-Gvern negattiv meta jaf li qed jiżbalja u jibqa’ għaddej”
Dr Delia tkellem dwar l-ambjent, anki minħabba s-suġġett tal-Università Amerikana, u qal li mhu se jippermetti lil ħadd jisraq lill-pajjiż biex jistagħna minn fuq l-assi tiegħu.
Temm jgħid li għalkemm il-Gvern jgħid li l-Oppożizzjoni hi negattiva, huwa l-istess Gvern li hu negattiv għax jaf li qed jiżbalja u jibqa’ għaddej.
“L-Oppożizzjoni qed tipproponi mod serju u effettiv biex igawdi kulħadd”, kien l-aħħar kumment ta’ Dr Delia.
"Delia jaħseb li hu 'l fuq mil-liġi għax ma ħallasx it-taxxa" – PL
Il-Partit Laburista rreaġixxa għal affarijiet li qal il-Kap Nazzjonalista, speċjalment meta rrimarka li mhu se jħalli lil ħadd jagħmel il-flus minn fuq il-poplu.
Il-PL għal dan wieġeb li fl-ewwel kollegament tas-sena Delia ma setax jiddeskrivi lilu nnifsu aħjar meta ġab dan l-eżempju, għax skont il-PL, hu qed jisraq lill-poplu meta ma ħallasx it-taxxa dovuta.
"Ikun aħjar għal Adrian Delia li jirrealizza llum qabel għada li hu l-iktar wieħed li jaqbillu li ma jibqax maħkum mill-fazzjoni negattiva tal-Partit Nazzjonalista", itemm jgħid il-PL.