Tal-Protezzjoni Ċivili jsalvaw kelb li waqa’ ġo bir

Membri tal-Protezzjoni Ċivili wettqu ħidma differenti llum hekk kif ġew imsejħa biex jagħtu sehmhom f’ħidma biex isalvaw kelb li waqa’ ġo bir.

Fuq Facebook, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ppubblika ritratti tal-ħidma li saret biex ġie salvat “Buddy”, il-kelb li spiċċa ġo bir fl-inħawi taċ-Chadwick Lakes.

Huma qalu li l-kelb kien tar-razza English Pointer u waqa’ f’bir niexef li kien fond 7 metri. Sitt pumpiera stazzjonati fil-Fire Station temporanja ta’ Ħad Dingli kienu involuti f’din il-ħidma biex Buddy ġie rritornat għand sidu.