Tal-PN ma jaqblux dwar l-NGOs u l-immigranti

Frank Psaila, li qed jaspira li jikkontesta l-elezzjonijiet Ewropej mal-Partit Nazzjonalista u d-deuptat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami tkellmu b’mod kuntrastanti dwar l-NGOs li jgħinu lill-immigranti fil-Mediterran.

F’post fuq Facebook fi grupp tal-Partit Nazzjonalista, Psaila għamel enfasi fuq l-għaqdiet li jaħdmu fil-Mediterran biex isalvaw il-ħajjiet tal-immigranti. Huwa qal li l-Unjoni Ewropea għandha toħodha b’saħħa kontra dawk il-kriminali li qed jagħmlu flejjes kbar minn fuq il-ġarr tal-immigranti għax fi kliemu “mal-kriminali ma hemmx ħniena”.

Fenech Adami, li huwa l-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-immigrazzjoni, qal li ma jaqbel assolutament xejn ma din l-analiżi għaliex qal li huwa fatt li matul is-snin dawn l-għaqdiet salvaw eluf ta’ ħajjiet mill-għarqa. Qal ukoll li huwa fatt li l-eħfef ħaġa hi li nsibu skużi biex l-immigranti, fosthom nisa u tfal, jitħallew jegħrqu. Temm jgħid li huwa favur il-ħajja dejjem.

L-ipoteżi li l-għaqdiet li jsalvaw lill-immigranti jservu bħala front għall-kriminali qed tiġi msaħħa anki fuq livell nazzjonali. Osservaturi internazzjonali jgħidu li filwaqt li jista’ jkun hemm xrara ta’ verità għal dawn l-allegazzjonijiet, dawn l-għaqdiet huma xhieda inkonventjenti għas-suldati u l-pulizija mal-fruntieri.

Dan l-artiklu ġie aġġornat: Ftit minuti wara dan il-battibekk, il-post ta’ Psaila ma baqgħetx tidher fil-grupp. Sadanittant, Frank Psaila baghat din l-email.