Tal-motorsports iridu €4 miljun mill-baġit

Il-Federazzjoni Maltija tal-Motorsport (MMF) talbet biex għall-baġit il-Gvern jalloka €4 miljun għall-faċiltajiet li tmexxi hi, u dan meta argumentat li mas-snin ġarrbet inġustizzja għax il-gvernijiet imxew differenti magħha minn kif imxew ma’ entitajiet ta’ sports oħra.
Il-federazzjoni li tirrappreżenta lid-dilettanti kollha tal-motorsports f’Malta semmiet fi stqarrija kif il-gvern ta flus biex jinbena faċiltà fejn jisparaw, biex isir il-grawnd tal-futbol ta’ Wied il-Għajn u flus għall-immodernizzat tal-pitch tal-waterpolo tas-Sirens, fost oħrajn.
Enfasizzat li dan jikkuntrasta ferm ma’ kif gvernijiet differenti ġabu ruħhom għall-bżonnijiet tal-motorsports.
L-MMF ikkummentaw ukoll li bix-xieraq li l-investiment fl-isparar ikun xprunat anki mill-fatt li Malta kisbet l-unuri f’dan l-isport, iżda jsemmu kif fil-motorsport jinkisbu suċċessi dinjija u ħadd ma jagħti kas.
Semmew is-suċċess fid-drag racing, biċ-ċampjin tad-dinja ma jkun ħadd ħlief il-Malti Duncan Micallef.
Il-federazzjoni temmet ittenni t-talba tal-€4 miljun sabiex tkun tista’ tinvesti f’faċiltajiet aktar sikuri u ta’ livell internazzjonali għall-motorsports, biex tibni faċiltà għall-offroading u wkoll post tal-go carts għat-tfal.
Ritratt: SportinMalta