“Tal-mistħija u ta’ diqa” – Il-Papa dwar l-abbuż fuq tfal minn qassisin

Papa abbuż tfal qassisin

Il-Papa Franġisku qal li l-unika żewġ kelmiet li jista’ jesprimi fid-dawl tar-rapporti dwar abbużi li saru minn qassisin fuq tfal f’Pennsylvania huma “mistħija u diqa”.

F’Komunikat maħruġ mill-Uffiċċju tal-istampa tas-Santa Sede, il-Papa qal li jitratta x-xogħol tal-Grand Jury ta’ Pennsylvania fl-Istati Uniti b’serjetà kbira. Stqarr li hu jikkundanna kull tip ta’ abbuż sesswali fuq il-minorenni.

Skont l-avukat ġenerali tal-Istat, saċerdoti Kattoliċi f’Pennsylvania abbużaw eluf ta’ tfal tul perjodu ta’ 70 sena u sikktu vittmi permezz ta’ abbuż tal-fidi Kattolika u ta’ kampanja sistematika li għattiet l-abbużi mill-isqfijiet tagħhom.

Il-Papa qal li l-abbuż irrapportat huwa ta’ natura kriminali u li hemm bżonn kontabbilità minn dawk li wettqu l-abbuż u minn dawk li ħallewh isir. Spjega li ma nstabu kważi l-ebda każijiet ta’ abbuż li twettqu wara l-2002, f’konforma mar-riformi li saru min-naħa tal-Knisja Kattolika fl-Istati Uniti li naqqsu l-abbuż mill-qassisin. Is-Santa Sede qalet li tinkoraġġixxi aktar riforma u viġilanza fil-livelli kollha tal-Knisja.

“Il-vittmi għandhom ikunu jafu li l-Papa qed iżomm magħhom. Dawk li sofrew huma l-prijorità tiegħu u l-Knisja trid tismagħhom biex teqred dan l-orrur traġiku li jeqred il-ħajja tal-innoċenti”, qalet is-Santa Sede.

Il-Papa qal li jifhem il-ħsara li dawn ir-reati kriminali jagħmlu fuq dawk li jemmnu.