“Il-PM imħeġġeġ iġiegħel lil Keith Schembri jidher quddiem il-kumitat PANA”

F’ittra li bagħat lil Prim Ministru Joseph Muscat, il-President tal-kumitat PANA, il-kumitat investigattiv tal-Parlament Ewropew b’rabta ma’ l-iskandlu internazzjonali tal-Panama Papers, Werner Langer, ħeġġu juża l-awtorità tiegħu biex jibgħat lil Keith Schembri fi Strasburgu fit-18 ta’ Mejju sabiex jidher quddiem il-kumitat u jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħu.
Dan ġie żvelat miċ-chairperson tal-Alternattiva Demokratika, Arnold Cassola filwaqt li qal li hi tal-mistħija li l-Kumitat parlamentari investigattiv PANA kellu jitlob lill-Prim Ministru Joseph Muscat juża l-awtorità tiegħu biex iġiegħel liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri jmur quddiemu.
Arnold Cassola sostna li “In-nies li m’għandhom xejn x’jaħbu, m’għandhomx għalfejn jaħarbu, kif ilu jagħmel din l-aħħar sena Keith Schembri.”
Il-Kumitat PANA kien f’Malta fi Frar li għadda fejn deher quddiemu sabiex iwieġeb numru ta’ mistoqsijiet il-Ministru Konrad Mizzi. Min-naħa tiegħu, Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat, kien irrifjuta li jidher quddiem dan il-kumitat f’dik l-okkażjoni.
Keith Schembri minflok kien għadda ittra bl-iddejn lil Werner Langer, mossa li dwarha Langer kien ilmenta fi tmiem iż-żjara tal-Kumitat PANA.