Tal-mistħija li l-PM jiddeskrivi inkjesta pubbika bħala xow – Occupy Justice

Read in English.

Il-grupp Occupy Justice kkritika lill-Prim Ministru Robert Abela talli dan qal li huwa kontra l-kunċett wara inkjesta pubblika, speċjalment meta din tintuża biex isir xow jew biex taħrab il-qrati tal-ġustizzja.

Dalgħodu l-Prim Ministru Robert Abela ġie mistoqsi għall-kummenti tiegħu fuq il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex ikun hemm inkjesta pubblika fuq il-powerstation tal-Electrogas. Huwa kien qed jinawgura l-ftuħ uffiċjali tal-mini ta’ Santa Luċija.

Il-Prim Ministru qal li għalih, inkjesta pubblika hi indikazzjoni li l-istituzzjonijiet ma jkunux qed jaħdmu, u għalhekk, huwa kontra l-kunċett li tissejjes fuqu.

Il-grupp Occupy Justice ħareġ stqarrija li fiha qal li hu tal-mistħija li l-Prim Ministru jiddeskrivi inkjesta pubblika bħala xow. Fakkar lill-PM li hu suppost qed jaħdem biex jiġġieled il-korruzzjoni u jippromwovi politika nadifa bħala Prim Ministru.

“Minflok, jinsisti li jagħti konferenzi stampa bla maskra, filwaqt li (ironikament) jgħatti l-iżbalji tal-amministrazzjoni preċedenti.”

Occupy Justice qal li l-PM donnu jopponi kulma jixħet dawl fuq il-ftehimiet maħmuġin li għamel Joseph Muscat. Agħar minn hekk, kompla jgħid il-grupp, Abela jinforza l-wegħda tiegħu ta’ kontinwità ma’ xogħol Muscat billi jipproteġi lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri u billi jiżgura li huma ma jiġux arrestati, interrogati u mressqin quddiem il-Qorti.

Fl-aħħar, il-grupp temm billi wiegħed li hu se jibqa’ jiġġieled għall-ġustizzja.