Tal-mistħija li jeżisti vandaliżmu tat-tip – GTA

Facebook - Joe Vella Gauci

Read in English.

Wara l-att vandalu fid-Dwejra f’Għawdex, bl-użu ta’ żebgħa ħamra, l-Assoċjazzjoni għat-Turiżmu Għawdxija sostniet li hija xi ħaġa tal-mistħija li jeżisti vandaliżmu tat-tip.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni, Joe Muscat ikkundanna l-att vandalu fuq is-sit ta’ wirt kurturali tal-UNESCO. Qal li l-att vandalu li seħħ xi jiem ilu wassal sabiex itappan il-ġmiel naturali taż-żoni rurali tal-Gżejjer Maltin.

Fl-aħħar jiem, l-Ambaxxatur Malti għall-UNESCO Mons. Joe Vella Gauci, fuq il-midja soċjali tella’ ritratti ta’ vandaliżmu li sar fid-Dwejra Għawdex. Huwa spjega li dan il-vandaliżmu sar minn individwu jew individwi mhux magħrufa u ntefgħet żebgħa mal-blat, man-nomenklatura u mal-istrutturi tal-injam.

Intant, Muscat qal li d-Dwejra huwa post turistiku f’Għawdex li jara eluf ta’ persuni jżuruh kuljum. Sostna li huwa tal-mistħija li seħħ att vandalu tat-tip u li għad hawn persuni li lesti jagħmlu dan it-tip ta’ vandaliżmu.

L-Assoċjazzjoni ħeġġet lill-awtoritajiet sabiex isaħħu l-protezzjoni ta’ siti tat-tip u jinvestigaw kull tip ta’ vandaliżmu. Ħeġġet sabiex kull min għandu informazzjoni jgħaddiha lill-Pulizija li bħalissa qed tinvestiga l-każ.