“Tal-mistħija li 50 persuna jitħallew fil-limbu fuq vapur tal-annimali” – NGOs

Alarm Phone

Grupp ta’ 35 għaqda mhux governattiva ngħaqdu fl-appell sabiex il-madwar 50 immigrant li jinsabu abbord il-bastiment MV Talia jitħallew jinżlu Malta, peress li skonthom, huwa tal-mistħija li dawn qed jitħallew fil-limbu fuq vapur li jintuża għat-trasportazzjoni tal-annimali.

L-NGOs ħarġu stqarrija li fiha qalu li dawn l-immigranti ġew salvati mill-bastiment MV Talia skont struzzjonijiet tal-awtoritajiet Maltin, iżda issa jinsabu fil-limbu sakemm jistennew li jitniżżlu f’port sigur.

L-istqarrija tisħaq li Malta ma tistax tabdika mir-responsabbiltà li għandha lejn in-nies fit-territorju tagħha. L-għaqdiet sostnew li hu fid-dmir ta’ Malta li tirrispetta d-dritt tal-bniedem u tagħti ċ-ċans lil min irid japplika għall-ażil.

Jumejn ilu, saret evakwazzjoni medika minn fuq dan l-istess vapur, ftit ‘il barra minn Delimara. F’din il-ħidma, iddaħħlu Malta għall-kura żewġ persuni.

L-għaqdiet żiedu jgħidu li hu l-obbligu tal-Unjoni Ewropea li turi solidarjetà vera man-nies li jaħarbu mill-gwerra u milli jiġu ppersegwitati billi jingħatalhom post sigur fejn jgħixu.

Għaldaqstant, huma appellaw lill-Gvern biex iħalli lill-immigranti jinżlu Malta. Tennew ukoll it-talba tagħhom għal laqgħa mal-awtoritajiet sabiex jiddiskutu l-pożizzjoni ta’ Malta f’dan il-konfront.

Intant, illum żar Malta ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea Josep Borrell li ġie speċifikament sabiex jiddiskuti l-immigrazzjoni. Miegħu, il-Prim Ministru Robert Abela żamm iebes meta qallu li Malta mhijiex se tibdel il-pożizzjoni tagħha fuq l-immigrazzjoni. Min-naħa tiegħu, Borrell wiegħed li l-UE mhix se tħalli lil Malta taqdef waħedha f’din il-kriżi.

L-għaqdiet firmatarji tal-istqarrija huma:

  1. aditus foundation
  2. African Media Association Malta
  3. Allied Rainbow Communities
  4. Association for Justice, Equality and Peace
  5. Bue Door English
  6. Catholic Voices Malta
  7. Christian Life Community (CLC) Malta
  8. Daphne Caruana Galizia Foundation
  9. Doctors for Choice Malta
  10. Fondazzjoni Sebħ
  11. Great Oak Malta Association
  12. Integra Foundation
  13. Jesuit Refugee Service Malta
  14. Justice and Peace Commission
  15. KOPIN
  16. Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ)
  17. LGBTI+ Gozo
  18. Malta Emigrants’ Commission
  19. Malta House of Prayer
  20. Men Against Violence
  21. MGRM
  22. Migrant Women Association Malta
  23. Moviment Graffitti
  24. L-Uffiċċju tad-Dekan fil-Fakultà tal-Edukazzjoni
  25. L-Uffiċċju tad-Dekan fil-Fakultà tat-Tisħiħ tas-Soċjetà
  26. Paolo Freire Institute
  27. Peace and Good Foundation
  28. Repubblika
  29. Richmond Foundation Malta
  30. Segretarjat Assistenza Soċjali tal-Azzjoni Kattolika Maltija
  31. SOS Malta
  32. Sudanese Community
  33. Sudanese Migrant Association
  34. Victim Support Malta
  35. Women’s Rights Foundation