“Tal-mistħija” l-azzjoni tal-Gvern dwar il-mafkar ta’ Daphne – aditus

Miguela Xuereb

L-azzjonijiet tal-Ministeru għall-Ġustizzja b’rabta mal-mafkar ta’ Daphne fuq il-Monument tal-Assedju l-Kbir huma tal-mistħija u ta’ min iċanfarhom skont il-fondazzjoni aditus.

Fi stqarrija l-aditus qalet li l-azzjonijiet “jirrappreżentaw ripressjoni tal-espressjoni personali u politika ħielsa u paċifika. Dawn huma drittijiet fundamentali li qegħdin fil-Kostituzzjoni ta’ Malta u huma parti mir-reġim tad-drittijiet umani li Malta tħaddan b’tant kburija.”

L-aditus qalet li “l-opinjoni tal-Gvern jew tal-Ministru dwar il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia m’għandha jkollha l-ebda effett fuq ir-relazzjoni tagħhom ma’ grupp ta’ persuni li fuq bażi regolari jagħżlu li jiltaqgħu fil-Belt Valletta biex jesprimu opinjoni politika jew biex jiftakru f’Daphne Caruana Galizia.”

Fi kliem l-aditus, il-ġustifikazzjoni tal-Ministeru għal dak li jagħmel jiġifieri li jsalva monumenti nazzjonali hija inaċċettabli. Żiedet tgħid li huwa attentant popolista li jinjora l-istandards legali “speċjalment peress li l-ebda ħsara lill-monument qat ġiet allegata jew murija”. Il-fondazzjoni appellat biex il-Ministeru ma jaġġixxix b’mod ripressiv.

Skont l-aditus, il-protezzjoni tal-persuni li qed jesprimu l-opinjoni tagħhom hija pilastru ta’ demokrazija li qed taħdem. Spjegat li limitazzjoni fuq dawn id-drittijiet hija permessibbli biss strettament fejn ikun hemm bżonn neċessarju u għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali, sigurtà pubblika, jew minħabba d-drittijiet ta’ ħaddieħor.

Il-barrieri li ttellgħu madwar il-monument tal-Assedju l-Kbir sakemm isir ir-renovar issa inksew kollha bi strixxuni li jirreklamaw il-monument.