Tal-linja mill-ajruport ta’ Heathrow ġejjin Malta

Fir-Renju Unit, għaddej xogħol fuq numru ta’ vetturi li kienu jintużaw fl-ajruport ta’ Heathrow biex jinkrew lill-kumpanija Spanjola li mil-lum bdiet tħaddem it-trasport pubbliku f’Malta.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li bħalissa qed tingħalaq il-bieba tan-naħa tax-xufier fuq l-ewwel 10 vetturi tat-tip Mercedes Benz Citaro.
Dawn il-vetturi kienu jintużaw biex iwasslu l-passiġġieri minn u lejn l-ajruplani fuq ir-runways ta’ Heathrow.
Iż-żewġ bibien tan-naħa l-oħra tal-vetturi mistennija jintużaw it-tnejn, biex jitilgħu u jinżlu l-passiġġieri. Il-karozzi mistennija jaslu Malta fi żmien tliet ġimgħat.
Il-kumpanija ħabbret li fil-ġimgħat li ġejjin il-vetturi preżenti se jinbidlu għal flotta temporanja. Sa Settembru mistennija jinġiebu Malta 142 karozza tal-linja ġdida.