​Tal-linja ma għamlux 121 vjaġġ nhar l-elezzjoni?

Id-Deputat Nazzjonalista Jean Pierre Debono indika fil-Parlament li karozzi tal-linja naqsu li jagħmlu 121 vjaġġi nhar l-elezzjoni.
Huwa qal dan f’mistoqsija Parlamentari lill-Ministru għat-Trasport Ian Borg fejn talbu biex jikkonferma jekk hux minnu li nhar it-3 ta’ Ġunju kien hemm 121 trip nieqsa tal-karozzi tal-linja mir-rotot madwar Malta.
F’mistoqsijiet relatati, talbu ukoll jikkonferma jekk kienx hemm 11-il karozza tal-linja li kellhom joperaw bla arja kundizzjonata matul Ġunju kif ukoll x’passi se jittieħdu fil-konfront tal-operatur fuq dawn in-nuqqasijiet fis-servizz tat-trasport pubbliku?
Il-Ministru għat-Trasport wieġeb li l-Informazzjoni għadha qed tinġabar.