Tal-linja b’xejn għal anzjani ta’ 75 sena u aktar

Arkivji

Read in English.

Anzjani li għandhom 75 sena u aktar issa jistgħu jibdew jirkbu l-karozza tal-linja bla ħlas.

Dan tħabbar illum mill-Ministru Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis, meta dawn żaru l-uffiċċji ta’ Centrecom fil-Mosta.

Il-Ministru Borg irrefera għall-figuri tal-2019 għaliex hu stmat li aktar minn 57.5 miljun passiġġier użaw il-karozza tal-linja matul is-sena. Qal li aktar ma jmur, in-numru aktar qed jiżdiedu, peress li l-istatistiċi l-ġodda juru żieda ta’ 7% jew ta’ aktar minn 4 miljun passiġġier mis-sena ta’ qabel.

Żied jgħid li jista’ jkun hemm aktar minn 19,000 anzjan li jibbenefika minn din il-miżura. Skont Agius Decelis, din il-miżura għandha żżid il-mobilità soċjali u tnaqqas l-esklużjoni soċjali.

DOI: Omar Camilleri

Min jixtieq aktar informazzjoni fuq id-diversi miżuri tat-trasport pubbliku b’xejn jista’ jċempel fuq 2248 3500 mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-08:00 u l-16:30.