Tal-Linja b’servizz ta’ disco

Malta Public Transport ħabbret servizz ġdid imsejjaħ Disco Bus għall-vjaġġi bejn l-aktar postijiet ta’ divertiment popolari f’San Ġiljan, Tas-Sliema, Uno u Gianpula Village.
Fi stqarrija, il-kumpanija spjegat li d-Disco bus, se topera fi tmiem il-ġimgħa u se titlaq minn San Ġiljan kull nfos siegħa u tieqaf fi Spinola, Tas-Sliema, Uno (Ta’ Qali) u tieqaf f’Gianpula Village. Il-vjaġġi se jitilqu bejn il-22.40 u s-1.40am nhar ta’ Ġimgħa u Sibt u bejn it-20.20 u l-22.50 nhar ta’ Ħadd.
Il-vjaġġ lura jitlaq minn Gianpula Village bejn is-1.30 u l-4am nhar ta’ Ġimgħa u Sibt u bejn il-22.40 u s-1.10 nhar ta’ Ħadd.
Min għandu tallinja card dan il-vjaġġ se jiswieh €2.50 filwaqt min jixtri l-biljett mingħand ix-xufier se jħallas €3.
Dawk li jużaw it-12 Single Day Journey Card se jinqatgħulhom żewġ vjaġġi ekwivalenti għal €2.50.
L-MPT spjegat li m’hemm l-ebda ħlas żejjed għal dawk li jużaw l-ExplorePlus card, madankollu dawn il-cards ma jistgħux jintużaw għal dan is-servizz.