Tal-Konsumatur iwissu dwar plumber Malti

Id-Direttur Ġenerali tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur ħareġ avviż pubbliku jgħarraf u jidentifika lil Pierre Camilleri tal-kumpanija Aqualux.
Fi stqarrija, l-Awtorità spjegat li dan ma onorax id-deċiżjoni mogħtija mit-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi, hekk kif wara numru ta’ twissjiet baqa’ ma onorax il-wegħdiet li għamel lill-klijent tiegħu.
Id-Direttur spjega kif il-konsumaturi kienu qabbdu lill-bejjiegħ biex jagħmel xogħol ta’ plumbing, iżda sostnew li wara xahar u nofs waqa’ lura fix-xogħol. Il-wegħdiet li kien jagħmel li se jkompli x-xogħol qatt ma seħħew u injora diversi ittri u telefonati min-naħa tal-konsumaturi.
Il-konsumaturi qalu wkoll li kellhom iqabbdu plumber ieħor li eventwalment sab ħafna nuqqasijiet fix-xogħol li għamel ta’ qablu.
Skont l-istqarrija, Camilleri qatt ma ssottometta risposta u lanqas attenda għas-seduti tat-Tribunal, minkejja li l-istess Tribunal ddikjara li kien notifikat. 
It-Tribunal laqa’ t-talba tal-konsumaturi u ordna lill-bejjiegħ iħallas lura is-somma ta’ €1,583 lill-konsumaturi.