Aġġornata: Tal-IVA jakkużaw lil tal-LE li qed iqaċċtu s-siġar kontra l-liġi

Tal-IVA għall-kaċċa fir-rebbiegħa qed jikkundannaw bil-qawwa dak li sejjħu bħala “abbuż oxxen u sfreġju ambjentali” li qed isir f’art f’Għajn Tuffieħa li taqa’ taħt ir-responsabbiltà diretta tal-kamp tal-LE.
Il-kelliem tal-IVA Daniel Xriha talab biex tintrefa’ r-responsabbilità għal dan “l-isfreġju ambjentali f’art pubblika amministrata mill-Fondazzjoni Gaia”.
Qal li l-kamp tal-LE qed iqaċċat siġar indiġeni Maltin li huma protetti bil-liġi u li jieħdu għexieren ta’ snin sabiex jikbru. Spjega li dan għandu impatt irriversibbli fuq l-ambjent tal-lokal u għalhekk se jkunu qed jitolbu investigazzjoni mill-MEPA.
Tal-IVA sostnew li dan il-każ huwa ieħor minn sensiela ta’ fatti oħra li juru l-kampanja tal-LE mhijiex kredibbli.
Reazzjoni Fondazzjoni Gaia
Intant b'reazzjoni, l-Fondazzjoni Gaia kkundannat dak li sejjħet allegazzjonijiet minn naħa tal-kampanja IVA.
Il-Fondazzjoni qalet li ġimgħa biss 'il bogħod mir-referendum, il-kampanja tal-IVA għandha l-għan biss li titfa' t-tajn u tgħawweġ il-fatti. Semmiet kif iż-żabra tal-friegħi sar bil-permessi tal-MEPA u li siġar protetti mil-liġi ma ntmessewx.