Tal-Gvern fatti, tiegħi allegazzjonijiet – Delia

Dr Adrian Delia, Kap tal-Partit Nazzjonalista, mistoqsi minn Newsbook.com.mt kif il-membri tal-PN jista’ jkollhom il-wiċċ li jitolbu għar-riżenja ta’ xi ħadd mill-Gvern meta huwa ma jridx jirriżenja quddiem l-akkużi li qed isirulu,  qal li waqt li dak li jintqal fuq il-membri tal-Gvern huma fatti, dak li qed jintqal fuqu huma qlajjiet malinni.

Fl-istess intervista Dr Delia wieġeb dwar kliem xejn dekoruż fuq is-Segretarju Ġenerali tal-PN, dwar jekk qattx ħa droga, dwar meta se jlaqqa’ lill-Grupp Parlamentari u dwar il-firda fil-partit.  Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar jekk il-pożizzjoni ta’ politiku hix tenibbli jekk ikun ħati ta’ ħasil ta’ flus jew vjolenza domestika.

Ma qalx meta se jiltaqa’ l-Grupp Parlamentari

Delia baqa’ ma qalx meta se jiltaqa’ l-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista minkejja li kien mistoqsi għal diversi drabi. Huwa qal li iżda ma kellux problema jlaqqgħu. Żied jgħid li l-aħħar li iltaqa’ kien fis-27 ta’ Diċembru, “…żmien li mhux soltu jiltaqgħa fih il-Grupp Parlamentari”.

Għall-kumment li minn dak in-nhar ġraw ħafna affarijiet Delia qal li iltaqa’ ma’ diversi membri parlamentari individwalment, waqt li żied li ma għandux problema li jlaqqa’ l-grupp.

“Mhux tenibbli” – Delia

Delia qal li politiku li jinstab ħati ta’ ħasil ta’ flus jew ta’ vjolenza domestika, fost affarijiet oħra, ma għandux pożizzjoni tenibbli fil-politika.  Huwa stqarr kategorikament li qatt ma ħa droga. Mistoqsi x’jagħmel jekk jinduna li xi ħadd min-nies ta’ madwaru jkunu fil-Mażunerija huwa qal li l-istatut jagħmilha ċara li għandu jitkeċċa.

Għal mistoqsija dwar kif jitlob ir-riżenja ta’ ħaddieħor meta huwa mhux se jirriżenja Delia qal li “…Fil-mument li jkun hemm xi fatt wieħed biss jew inkella  xi tip ta’ kundanna li  lili jew lil xi ħadd fil-grupp tiegħi trendih inkapaċi li jkollu pożizzjoni, allura dik il-pożizzjoni tiġi untenable” qal Delia.

Qabeż għalik il-Prim Ministru – Newsbook

Dr Delia kien mistoqsi dwar kif iħossu meta qed jaqbeż għalih il-Prim Ministru u esponenti tal-Partit Laburista.

Delia qal li ma jafx li qabeż għalih il-Prim Ministru. Meta inġibditlu l-attenzjoni li kien hemm rapporti fil-gazzetti dwar dan, huwa kompla jinsisti li ma jafx b’dan.

Huwa żied jgħid li fil-politika tiġri ħafna li “…bniedem jista’ jkun qed jaqbel miegħek quddiemek u jrewwaħ l-inkwiet minn taħt.”

Kliem dispreġġjattiv fuq is-Segretarju Ġenerali? – Newsbook

Int għidt li l-vidjows li tqassmu dwarek kienu editjati, iżda editjati kemm editjati inti instmajt tuża kliem dispreġġjattiv fil-konfront tas-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, staqsiet il-ġurnalista ta’ Newsbook.

Delia sejjaħ bħala ‘tan-niket’ li xi ħadd jipprova juri vidjow editjat bħala l-fehma tiegħu dwar is-Segretarju Ġenerali. Huwa qal li mhux se jikkummenta qabel ma jisma’ rekording ‘veritier u sħiħ’.

Huwa kompla biex iddeskriva lis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli bħala wieħed mill-aktar nies li jaħdmu fil-PN.

Ikkunsidrajt tissospendi lilek innifsek ?  – Newsbook

Għandek il-ħsieb li tirreżenja jew li tissospendi lilek innifsek sakemm tiċċara s-sitwazzjoni familjari tiegħek kif ukoll il-kritika ħarxa li qed issirlek minħabba f’hekk f’diversi kwartieri tal-PN, staqsa Newsbook.

Il-Kap tal-PN qal li qatt ma ikkunsidra li jirreżenja jew li jissospendi lilu innifsu.

Imma inti tgħid li ħadd ma huwa akbar mill-partit, sostnejna.

Delia qal li huwa għadu jemmen li ħadd ma huwa akbar mill-partit u jġib ruħu hekk.

“L-Irtirata strateġika qatt ma kkunsidrajtha. Taħt l-ebda forma. Għax hemm allegazzjonijiet mhux fatti.”

Huwa qal li l-kritika ssaħħaħlu l-fehma tiegħu biex jissokta fit-triq li qabad. Delia kien kategoriku li mhux se jieħu pass lura.

“Il-Kritika hija l-akbar għodda biex intejjeb lili nnifsi” qal Delia u żied li la jaf li jkun qiegħed fit-triq it-tajba, japprezza li se jkun hemm min ma jaqbilx u min ma jifhimx. Ir-rwol tiegħu huwa jarah bħala wieħed bil-missjoni li jikkonvinċi. Ix-xogħol tiegħi mhux li nirtira jien imma li nipperswadi lil min mhux konvint u li nfiehem lil min għandu d-dubji” qal Delia.

 Partit maqsum irremedjabbilment?  – Newsbook

Taqbel ma min isostni, kien mistoqsi Delia, li l-PN huwa maqsum b’mod irrimedjabbli? Delia ma qabilx. “Ma inhix qed ngħid li m’hemmx xi tip ta’ attività jew intent li trid iġġib, mhux tant il-firda, imma aktar ir-reżistenza” qal Delia.

Sostna li l-media spiss titfa’ lenti qawwija aktar milli jkun tassew mistħoqq fuq nuqqasijiet jew fehmiet differenti tal-opinjoni. Minħabba f’hekk, tinħoloq id-dehra ta’ firda. Huwa sostna li mhux b’kumbinazzjoni li inqalgħu dawn l-irwiefen li nefħu fuq il-PN f’dawn l-aħħar jiem. Delia fakkar li, fl-aħħar jiem tas-sena, il-Prim Ministru Muscat kien qiegħed ifassal il-pjan li permezz tiegħu, l-art f’San Ġorġ, San Ġiljan, kienet se tingħata lill-grupp Corinthia. Skont Delia, l-inkwiet ta’ dan l-aħħar kien diversiv imrewwaħ mill-Partit Laburista biex jiddevja l-attenzjoni minn fuq dak li kien qiegħed jinħema dwar bejgħ bix-xejn ta’ art publika.

 “Gvern li qed jarmi lill-ħaddiema għan-negozji l-kbar” – Delia

Il-politika ta’ persważjoni ma tgħoġobx lil dawk li fl-imgħoddi kienu komdi, li l-bidla ma tinżlilhomx tajjeb, qal Delia. Huwa qal li l-ġlieda mhux biex jibqa’ jew jitlaq Adrian Delia imma hija ġlieda għall-identità tal-partit: partit tan-nies li jista’ jerġa jsib postu fil-qalb tal-elettorat Malti.

Huwa wissa li l-Partit Laburista kien jaf iwiegħed u jiksi kollox fit-tlellix ta’ marketing tajjeb “Imma issa”, qal Delia, “il-maskri qed jaqgħu”. Qal li l-Partit Nazzjonalista irid jgħeleb id-diffikultajiet malajr għax il-pajjiż għandu gvern li qed isawwar soċjetà bla ruħ u jinteressaħ biss mill-‘big business’. Art, qal Delia, qed tingħata bix-xejn lill-kumpaniji kbar meta ħaddiema qed jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.

“Dan huwa gvern li jaħseb biss f’ dawk il-ftit magħżula u qed jarmi, jinsa, jikkalpesta l-elulf u eluf li huma dgħajfa” qal il-Kap tal-PN. Il-Gvern, qal Delia, qed joħodna qrib preċipizzju u dak li qed naħsbu li huwa l-aħjar żmien dalwaqt nirrejalizzaw li ma huwa minnu xejn, sostna l-kelliem u żied li l-mudell ekonomiku tal-gvern huwa difettuż.