Tal-Gudja u l-Qriema b’arċipriet u kappillan ġdid

L-Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Dun Norman Zammit bħala l-Arċipriet tal-Parroċċa ta’ Santa Marija, il-Gudja, u lil Dun Ewkarist Zammit bħala l-Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Sebastjan, Ħal Qormi.  Dun Norman Zammit twieled fit-3 ta’ Awwissu 1973, u rċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-Iskola Primarja taż-Żurrieq u fl-Iskejjel Sekondarji San Mikiel u l-Kulleġġ Monte Karmeli, Santa Venera.

Dun Norman kompla l-istudji terzjarji fil-Fakultà tat-Teoloġija (Filosofija u Teoloġija) fl-Università ta’ Malta, u ġie ordnat saċerdot fit-3 ta’ Awwissu 2001.

Beda l-ħidma pastorali tiegħu fil-Parroċċa ta’ Ħal Luqa fejn għal ħames snin kien viċi kappillan.

Fl-2006 inħatar kappillan tal-Parroċċa ta’ Ħad-Dingli u fl-2011 kappillan tal-Parroċċa tal-Imsida.

Il-Parroċċa tal-Gudja tiġbor fiha madwar 3,000 persuna f’1,000 familja

Dun Ewkarist Zammit twieled is-Siġġiewi fit-23 ta’ Lulju 1980, u rċieva l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ Santu Wistin, il-Pietà.

Kompla l-istudji terzjarji fil-Fakultà tat-Teoloġija (Filosofija u Teoloġija) fl-Università ta’ Malta fejn kiseb ukoll Masters fl-Istudji Pastorali, u ġie ordnat saċerdot fit-3 ta’ Lulju 2008.

Dun Ewkarist serva bħala viċi-Arċipriet fil-Parroċċa ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi, u fl-2011 inħatar kappillan u mbagħad arċipriet tal-Parroċċa ta’ Ħad-Dingli.

Il-Parroċċa ta’ San Sebastjan tiġbor fiha madwar 9,800 persuna f’2,740 familja.