Tal-Grande Fratello se joħorġuhom biex jivvutaw għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew

Il-preżentatriċi Barbara D'Urso. Ritratt: Mediaset

Il-parteċipanti tas-16-il edizzjoni tar-reality show Grande Fratello li għaddej bħalissa fuq il-Canale 5, ġew mgħarfa llum li anki huma se jkunu jistgħu joħorġu jivvuttaw għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Elezzjonijiet amministrattivi tal-Italja. B’hekk huma wkoll se jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tal-vot.

Madanakollu, minħabba fir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Grande Fratello, il-parteċipanti ma jistax ikollhom kuntatt ma’ persuni fuq barra, u għalhekk huma se jkunu qed jiġu eskortati minn membri fit-tim tal-produzzjoni.

Minħabba li l-parteċipanti tal-Grande Fratello ilhom magħluqa għal żmin twil u huma maqtugħa mill-pubbliku, illum ingħataw il-programmi elettorali tal-kandidati.

Huma se jkunu qed jinħarġu biex jivvutaw nhar il-Ħadd, pero mhux kollha f’daqqa biex b’hekk tkun tista’ tibqa’ għaddejja t-trasmissjoni ta’ dan ir-reality show għal min ikun qed isegwi l-verżjoni live.