Tal-Għarb jibbrillaw fl-Isfida tal-Mental Maths

L-iskola primarja tal-Għarb fi ħdan il-Kulleġġ t’Għawdex reġgħet kienet protagonista assoluta fil-kompetizzjoni internazzjoniali tas-SuperTmatik Mental Maths Challenge.

Din il-kompetizzjoni annwali tal-Matematika hija għal tfal bejn is-sitta u l-15–il sena, fejn l-istudenti jikkompetu f’kategoriji differenti skont l-eta’ tagħhom. Il-kompetizzjoni tippromwovi interess fil-ħila mentali u tagħti opportunita’ oħra lit-tfal li jitgħallmu permezz tal-logħob.

L-ambaxxaturi tal-iskola tal-Għarb ġabu riżultati ferm sodisfaċenti fejn, bil-għajnuna tal-għalliema u l-ġenituri tagħhom, kitbu storja oħra li tagħmel lil din l-iskola kburija, wara li tejbu r-riżultati li kisbu fis-sena preċedenti.

Ix-xogħol siewi wassal biex dawn l-ambaxxaturi kisbu l-ewwel post minn fost 18,760 parteċipant fit–tieni kategorija permezz ta’ Leo Buccheri, kif ukoll ġabu t-tielet u d-disa’ post fl-istess kategorija permezz ta’ Julia Haber u Aiden Zammit rispettivament.

Fit-tielet kategorija, Julia Cini kisbet l-ewwel post minn fost 25,690 parteċipant, filwaqt li Mattew Aquilina u Julian Xuereb kisbu t-2 u d-9 post rispettivament fil-kategorija tagħhom.

Is-suċċessi li kisbu dawn l-ambaxxaturi jagħmluna kburin li studenti Maltin qed juru l-kapaċitajiet tagħhom u jġibu riżultati daqshekk sodisfaċenti minn fost 46 pajjiż differenti.