Tal-fish farms jagħmlu li jridu bl-appoġġ tal-PL u l-PN – PD

Il-Partit Demokratiku qal li l-operaturi fl-industrija tat-tonn qed jagħmlu prattikament li jridu u li jidher li għandhom l-appoġġ taż-żewġ partiti l-kbar.

Fi stqarrija l-PD qal li din l-industrija ddaħħal €120,000,000 fis-sena ekwivalenti għal 1% tal-Prodott Gross Domestiku. Żied jgħid li tħalli ftit li xejn profitt għall-kaxxa ta’ Malta waqt li ssir ħsara lill-ambjent. “Dan kollu barra mill-miżati baxxi għall-permessi, u infurzar fjakk għall-aħħar.”

Il-Partit Demokratiku spjega li bħalissa, il-ħames rziezet mhux biss ħakmu l-aġenda interna tas-sajd, imma joperaw taħt strateġija li fiha qatt ma saret analiżi olistika dwar kemm Malta tista’ tkampa bis-sitwazzjoni preżenti.

“Imma, ġib il-għaġeb, l-Awtorità tal-Ippjanar qed tipproċessa l-applikazzjoni kontroversjali PA/02175/18, fejn in-numru ta’ gaġeġ se jirdoppja minn 12 għal 24 meta diġà hemm 27 bħalissa.” Skont il-partit, l-ebda kunsiderazzjoni m’hi qed tittieħed li l-applikant huwa riċediv u li qed jopera f’sit marittimu fuq bażi temporanja.

“Jidher ċar li din l-entità mhux biss tgawdi l-immunità mir-regoli tar-Reġistru tal-Kumpaniji, imma tidher li għandha l-appoġġ taż-żewġ partiti l-kbar. Għaliex? Jista’ jkun minħabba l-iffinanzjar tal-partiti?”

Il-Partit Demokratiku sejjaħ għat-twaqqif ta’ task force biex titnieda strateġija għall-industrija tat-tonn f’Malta.