”Tal-Fantasy ilhom bil-problemi mal-lukandi ta’ barra” – Eks impjegat

Numru ta’ persuni li għal dan is-sajf ippjanaw btala mal-Fantasy Tours, baqgħu b’togħma qarsa. B’messaġġ fuq il-mobile, il-kumpanija tal-ivjaġġar avżat lill-klijenti tagħha li l-vaganzi tagħhom ġew ikkanċellati.

Waħda minn dawn il-klijenti tkellmet ma’ Newsbook. Din il-mara kienet ħallset €1200 għall-vaganza f’Gardaland u fil-madwar. Ftit tal-jiem ilu, irċeviet messaġġ javżaha li l-btala tagħha kellha tiġi kkanċellata. Din l-istess klijenta, rat il-messaġġ iżda ħasbet li ma kienx qed jirreferi għat-titjira tagħha. Dan għax il-messaġġ ma kienx iffirmat mill-Fantasy Tours, imma mill-Golden Travel Club – il-kumpanija li toffri servizz tal-ivjaġġar taħt l-isem ta’ Fantasy Tours.

Eks-impjegat ta’ din l-istess kumpanija tkellem ma’ Newsbook fejn qal li ġieli, mal-wasla tal-Maltin, is-sidien tal-lukandi bdew jheddu li mhux se jżommu nies qabel mal-istess aġenzija tħallas l-ammonti kbar ta’ flus li kellha tagħti.

Allegatament, din l-istess persuna tgħid li eskursjonijiet kellhom jitħassru minħabba li ma jkunx hemm biżżejjed nies. B’hekk, dawk li jħallsu kienu “jibqgħu bit-togħma”.

Intqal ukoll li kien hemm okkażżjonijiet fejn il-klijenti jħallsu għal cruise ‘kollox inkluż’ u wara, meta jkunu fuq il-cruise, jiskopru li jridu jħallsu għall-ikel u xorb.

Wara li bosta persuni ħarġu ddiżappuntati, infetħet ukoll paġna fuq il-Facebook fejn bosta klijenti qed jaqsmu l-ilmenti tagħhom fil-konfront ta’ din l-istess kumpanija.  

Intant fi stqarrija, il-kumpanija Flyaway Tours qalet li se tonora s-servizzi li ġew bbukjati permezz tal-aġenzija Fantasy Tours jew Golden Travel Club.

Il-kumpanija qalet li hi ħarġet vouchers uffiċċjali għal servizzi speċifiċi tal-klijenti ta’ Fantasy Tours.  L-operatur se jkun qed jonora kull voucher uffiċċjali tal-Flyaway Tours li nħareġ fis-7 ta’ Awwissu jew qabel. 

Ħalli l-kummenti tiegħek hawn taħt.