​“Tal-Enemalta qed jiġu trattati bħal tat-tarzna” – AD

Alternattiva Demokratika qalet li l-konverżjoni tal-Enemalta f’kumpanija, minn korporazzjoni pubblika, ma tfisser xejn għajr il-bidu tal-proċess ta’ privatizzazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija.
Fi stqarrija, il-Kelliem dwar l-Enerġija Ralph Cassar qal li “minkejja r-retorika kollha tal-Prim Ministru, il-ħaddiema tal-Enemalta qed jiġu trattati bl-istess mod, bħal ma l-Partit Nazzjonalista ttratta lill-ħaddiema tat-tarzna.”
Ralph Cassar appella lill-Gvern biex jagħmel il-politika tiegħu dwar l-enerġija ċara. Sostna li l-Gvern mhux interessat li jesplora mezzi ġodda u nodfa ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija. Saħaq li waqt li fid-dinja l-enerġija mir-riħ qed tieħu spinta ‘l quddiem, il-Ministru Konrad Mizzi qed jgħid li dan is-sors mhux vijabbli.