Aġġornata: “Tal-Corinthia jistgħu jużaw il-Jerma, il-Mistra jew Ħal Ferħ għal lukanda ta’ 6 stilel”

Il-Gvern qal li għall-proġett tal-Corinthia f’San Ġiljan mhux se tkun tista’ ssir ebda reklamazzjoni tal-art. Dan wara li aktar kmieni, il-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo sostna li l-Corinthia għandu għażla ta’ tliet siti li fuqhom ingħata konċessjoni fuq art pubblika.

Fi stqarrija il-Ministeru għat-Turiżmu spjega kif laqqa’ l-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp sabiex jiġi aġġornat dwar l-aħħar żviluppi fil-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Bajja u l-Corinthia San Ġorġ.

Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi sostna li t-tieni sensiela ta’ diskussjonijiet mal-Grupp IHI huma intiżi biex jindirizzaw it-tħassib ġenwin tal-partijiet involuti.

“Ebda reklamazzjoni tal-art u 50% fi żvilupp turistiku” – Konrad Mizzi

Il-Ministeru elenka għadd ta’ punti dwar dan l-iżvilupp fosthom li ma tista’ ssir l-ebda reklamazzjoni tal-art, li tal-inqas 50% tas-sit għandu jkun marbut ma’ żvilupp turistiku, u li se jkun hemm massimu ta’ 25,000 metru kwadru għall-propjetajiet residenzjali li jistgħu jinbiegħu.

Il-Gvern ippreċiża li jekk ma jintlaqgħux l-obbligi tal-iżvilupp, għal kull trasferiment eventwali li jsir, il-Gvern irid jagħti l-kunsens tiegħu.

Tħabbar ukoll li se jitwaqqaf kumitat ta’ monitoraġġ biex jara li l-proġett miexi skont il-pjan.

“Il-Corinthia għandu għażla ta’ tliet siti” – Robert Arrigo

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo qal li għall-proġett li għandu għal San Ġiljan, il-Grupp Corinthia  għandu għażla ta’ tliet siti li fuqhom ingħata konċessjoni fuq l-art pubblika u li tħallew abbandunati.

Meta kien qed jitkellem waqt id-dibattitu fuq l-abbozz ta’ liġi li jimplimenta miżuri tal-Estimi, Arrigo fakkar li l-Corinthia għandha konċessjoni fuq l-art tal-Jerma Palace f’Wied il-Għajn, fuq l-art tal-Mistra kif ukoll fuq il-kumpless ta’ Ħal Ferħ. Huwa qal li dawn it-tliet siti huma ideali għal dan it-tip ta’ żvilupp.

Madanakollu stqarr li jekk l-investiment barrani li se jiffinanzja dan il-proġett tefa’ għajnejh fuq is-sit ta’ San Ġiljan, ħadd mhu ħa jdawwarlu ħsiebu.

“Għaliex il-Gvern qed jirrifjuta li jippublika l-ftehim?”

Arrigo qal li l-Gvern qed jirrifjuta li jippubblika l-Memorandum ta’ Ftehim (MOU) mal-Grupp Corinthia dwar l-iżvilupp propost f’Pembroke.Stqarr li l-Grupp Corinthia għandu konċessjoni fuq l-art f’San Ġiljan għal 53 sena oħra biex jiżviluppa l-art għat-turiżmu, iżda li issa jridil-konċessjonijiet ġodda li jbigħ lil terzi.

Il-Viċi Kap sostna li l-kunċett ta’ lukandi ta’ sitt stilel ma jeżisti mkien ħlief f’Dubaj, waqt li stqarr li ħadd mhu se jħallas €5,000 kull lejl,meta fil-pajjiż għandna infrastruttura u ndafa ta’ żewġ stilel.

“Il-Corinthia se tkun qed tieħu €53 miljun mill-Gvern”

Irrimarka li l-Grupp se jingħata madwar €53 miljun mill-Gvern b’dan il-ftehim. Arrigo qal li dan hu bejn wieħed u ieħor l-ammont ta’ flusli l-Grupp għandu bżonn biex jagħmel refurbishment tat-tliet lukandi li l-kumpanija diġà għandha fuq dan is-sit jiġfieri: Corinthia San Ġorġ, Radisson u  Corinthia Marina li wasslu għal bidla.

Arrigo tkellem dwar iċ-ċifra ta’ tliet miljun turist li mistennija jiġu Malta din is-sena. Huwa qal li hemm differenza bejn wasliet u turisti,waqt li 40% biss tat-turisti li jiġu Malta jmorru joqogħdu f’lukanda.