Tal-Caritas iħawlu 150 siġra

Caritas Malta

Residenti ta’ Caritas Malta ħawlu 150 siġra fl-ispazji tad-djar ta’ riabilitazzjoni tagħhom.

Id-Direttur ta’ Caritas Malta, is-Sur Anthony Gatt, tenna l-ħsieb tal-Papa Franġisku li l-ħidma favur il-fejqan u l-iżvilupp sħiħ tal-bniedem tesiġi li tmur id f’id mal-ħidma favur il-fejqan u l-kura tal-ambjent, id-dar naturali tal-bniedem.

Fi stqarrija, Caritas Malta irringrazzjat lil PT Matic Enivironmental Services Ltd li ħarġu bl-idea u lil Saġġar li għenu fit-tħawwil. Il-moviment Fokolari ħa ħsieb parti mill-ispejjeż u flimkien mar-residenti li qed isegwu programm ta’ riabilitazzjoni u wkoll voluntiera minn Camini…amo qattgħu ħin flimkien iħawlu siġar indiġeni.

Jeffrey Muscat, Kap tal-Komunità Terapewtika ta’ San Blas, esprima li din hija kontribuzzjoni lejn titjib u tisħiħ tal-ambjent naturali li tant huwa importanti li jiġi mħares. Claude Ebejer minn Saġġar qal li “Hija xewqa tagħna li noħolqu monument ħaj bħala Maltin, li jsaħħaħ l-ambjent bi ħsieb għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”

Camini…amo huwa grupp ta’ persuni li ta’ kull sena jagħmlu l-vjaġġ għall-Camino de Santiago fi Spanja. Għal sena oħra, Camini…amo għażlu l-entità ta’ Caritas Malta biex permezz tal-pellegrini tagħhom, jagħmlu ħidma volontarja matul ix-xhur ta’ tħejjija għall-vjaġġ tagħhom. F’din l-ewwel attività, flimkien mal-Moviment tal-Fokolari u residenti ta’ Caritas Malta taw sapport biex tħawlu dawn il-150 siġra.

Caritas Malta