Aġġornata: Tal-Armier jgħidu li l-Partit Laburista ikkonferma l-ftehim tal-2002

Il-kumpanija Armier Developments qalet li l-Partit Laburista kkonferma l-ftehim li kien sar lura fl-2002 u kien iffirmat mill-Membru Parlamentari Laburista Joe Mizzi.

F’ittra lill-membri tagħha, il-kumpanija qalet li fil-ġranet li għaddew il-Mexxej Laburista Joseph Muscat ikkonferma il-ftehim bil-miktub mal- Armier Developments.

Skont dan il-ftehim, Armier Developments Ltd se tkun tista’ twaqqa’ il-boathouses eżistenti u tibni oħrajn minflokhom. Qed ikun propost ukoll li tibni boathouses ġodda għal min għad m’għandux, u oħrajn biex jinkrew. Mistenni jkun hemm 1,000 kamra li tintuża biss fis-sajf.

Il-President tal-kumpanija, Tarcisio Barbara qal lil Newsbook li l-Gvern kemm –il darba naqas milli jirrispetta l-ftehim ta’ bejniethom. Kompla jgħid li l-MEPA biddlet il-pjani minn tal-inqas ħames darbiet. Barbara saħaq li huma qatt ma ġew ikkonsultati mill-Gvern.

B’reazzjoni għal dan, fi stqarija l-Gvern qal li hu jrid jindirizza din il-kwistjoni u għalhekk kien qed jiġu mhejjija diversi proposti biex ikunu diskussi ma’ dawk involuti.

Il-Gvern kompla jgħid li jrid josserva l-impenji li ħa dwar il-kmamar fl-Armier u għalhekk kull deċiżjoni trid tittieħed wara diskussjoni ma’ kull min hu involut.