Tal-armar ikissrulu l-bieb tad-dar; jispiċċa arrestat

Read in English.

Raġel li nżamm arrestat wara li ġie akkużat li weġġa’ uffiċjali tal-Pulizija meta ppruvaw iwaqqfu ġlieda bejnu u xi persuni li kienu qed jarmaw għall-festa ingħata l-ħelsien proviżorju.

Għall-ewwel, ir-raġel ta’ 44 sena ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest wara li kkonfronta grupp ta’ rġiel li faqawlu l-bieb ta’ barra tad-dar tiegħu b’forklift meta kienu qed iwaħħlu d-dekorazzjonijiet fit-triq għall-festa.

Ir-raġel għamel ħamest ijiem arrestat wara l-inċident.

Fil-Qorti ntqal kif ir-raġel ġie arrestat wara li meta rritorna d-dar, sab lil martu u t-tifla tiegħu barra d-dar jitkellmu mal-Pulizija u madwar 20 entużjast tal-festa li kienu qed jaħdmu fit-triq. Fil-pront bdiet ġlieda li wasslet għall-arrest tiegħu.

Min-naħa l-oħra, il-Kumitat tal-festa ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi kien qal ma’ Newsbook.com.mt li l-ħsara saret wara li l-forklifter skiddja minħabba ilma fit-triq, u li kien il-bieb tal-garaxx li ntlaqat u mhux il-bieb tad-dar.

Huma kienu qalu wkoll li r-raġel ma kellux x’jaqsam mal-inċident u li l-garaxx tiegħu kien bieb ma’ bieb ma dak li ġie affettwat mill-inċident.

Hu ġie akkużat li darab ħafif xi uffiċjali tal-Pulizija, li hedded, irreżista l-arrest u injora l-ordnijiet tagħhom.

L-akkużat ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €5000.