Tal-ambulanzi f’Għawdex għadhom fil-kontejners; se jiċċaqalqu “fil-ġimgħat li ġejjin”

AMBULANZI
Facebook/Alex Borg

Read in English.

Il-ħaddiema tad-dipartiment tal-Emerġenza li jaħdmu bħala xufiera tal-ambulanzi fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għadhom qed joperaw minn kontejners li jinsabu ‘l barra mill-bini tal-isptar fir-Rabat, Għawdex.

Dan l-arranġament sar aktar minn tliet snin u nofs ilu meta f’Marzu 2017, il-kumpanija Vitals Global Healthcare kienet ħadet din id-deċiżjoni biex tinbena l-iskola Medika ta’ Barts.

Dan ikkonfermah kelliem għal Steward Health Care li jimmaniġjaw dan l-isptar f’Għawdex. Ma’ Newsbook.com.mt huwa qal li l-post permanenti huwa ppjanat li jseħħ bħala parti mit-tkomplija tal-bini tal-isptar akut il-ġdid. Sa issa għadu ma hemmx data għal bini ta’ dan il-proġett.

Intant, il-kelliem spjega li hemm taħditiet mal-unjin ta’ dawn il-ħaddiema li permezz tagħhom intlaħaq qbil biex “fil-ġimgħat li ġejjin” isir upgrade tal-post hekk kif jitlesta r-refurbishment li qed isir fid-Dipartiment tal-Emerġenza.

F’April li għadda, il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija staqsa għaliex ix-xufiera tal-ambulanzi u vetturi tas-saħħa tħallew kollha f’kontejner fuq xulxin.

Il-ġimgħa li għaddiet, l-Avukat Għawdxi Alex Borg ippubblika r-ritratti tal-post fejn qed jaħdmu dawn il-ħaddiema qal ilhom jippruvaw jikkuntattjaw lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne minn Awwissu li għadda, għall-fatt li qed ikunu 12-il xufier ġo kontejner żgħir u sa issa ma ttieħdet l-ebda tip ta’ azzjoni.

Din hija s-sitwazzjoni degradanti li qed jaħdmu fiha ix-xufiera tal-ambulanzi ġewwa l-Isptar Ġenerali t’Għawdex….

Posted by Alex Borg on Saturday, October 31, 2020

Ma’ Newsbook.com.mt, il-kelliem ta’ steward Health Care qal li t-taqsima tat-transport li jinkludi wkoll ix-xufiera tal-ambulanzi, bħalissa qed topera minn post temporanju li jikkonsisti f’numru ta’ strutturi hekk imsejħa “light weight” u li huma magħmulin għal dan l-għan. Spjega li dan huwa differenti mill-“containers” li qal li jistgħu jiġu assoċjati għal użu ta’ ġarr ta’ merkanzija.