Tal-ambulanzi b’ordni biex ma jeħdux struzzjonijiet mill-maniġer

Ix-xufiera tal-ambulanzi għandhom ordni biex ma jeħdux ordnijiet mingħand wieħed mill-maniġers tal-garaxx tal-ambulanzi fl-Isptar Mater Dei.
Newsbook.com.mt jista’ jikkonferma li dan ġie kkomunikat illejla lill-ħaddiema wara laqgħa li saret bejn l-unjins u l-maniġment.
Ma’ Newsbook.com.mt kelliem għall-General Workers Union (GWU) spjega li x-xufiera jistgħu jitkellmu biss ma’ dan il-maniġer jekk fi preżenza ta’ xhud.
Sorsi viċin l-Isptar Mater Dei qalu li dwar dan se jitwaqqaf bord ta’ inkjesta biex tiġi riżolta s-sitwazzjoni.
Dan ġie kkonfermat ukoll mill-kelliem tal-GWU, li spjega li dan sabiex jiġu ċċarati l-allegazzjonijiet ta’ theddid fil-konfront tal-ħaddiema mill-istess maniġer.
X’inhu għaddej fil-garaxx tal-ambulanzi?
Fil-ġimgħat li għaddew, sorsi infurmati qalu li għaddej abbuż ta’ poter kbir fil-garaxx tal-ambulanzi. Spjegaw li l-garaxx jinsab fi stat agħar minn qatt qabel, b’bosta nies qed jirreżenjaw qabel ma jkun għalqilhom il-kuntratt tax-xogħol.
Semmew ukoll il-frustrament tal-ħaddiema, li minkejja li jagħmlu “l-impossibbli” biex ilaħħqu max-xogħol, iħossu li m’għandhomx biżżejjed għodda biex jaħdmu.
Minħabba din l-allegata sitwazzjoni, daħlu numru ta’ direttivi ġodda fis-seħħ, li jgħidu li m’għandu jsir l-ebda tip ta’ trasport lura bl-ambulanzi lejn djar privati, sptarijiet u djar tal-anzjani u ma jsirx ħasil tal-ambulanzi.