“Tajt struzzjonijiet għal azzjoni biex jiġi investigat Karl Cini” – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sostna li jekk il-Gvern, partikolarment id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, ma jieħux passi fit-48 siegħa li ġejjin l-avukati tiegħu se jkunu qed jieħdu azzjoni sabiex Karl Cini tan-Nexia BT jiġi investigat.

Delia bħalissa qed jitkellem waqt attività politika tal-Partit Nazzjonalista f’Ħal Tarxien.

Il-kumpanija Nexia BT kienet fiċ-ċentru ta’ allegati każi ta’ ħasil ta’ flus u korruzzjoni li kienu jinvolvu lill-Bank Pilatus u uffiċjali għolja tal-Gvern Malti.  Isem Karl Cini, flimkien ma’ dak ta’ Brian Tonna, issemmew fl-isklandu tal-Panama Papers, fit-twaqqif ta’ kumpaniji fil-Panama għall-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi  u għaċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.

Id-diskors ta’ Delia tal-lum irrefera għall-kandidat li qed jikkontesta l-kariga ta’ mexxej tal-Partit Laburista Chris Fearne. Delia sostna li filwaqt li Fearne għamel sitt snin bilqiegħda maġenb Muscat u ma ħa l-ebda azzjoni konkreta, issa qed jippretendi li fi żmien 100 jum se jreġġa’ lura s-Saltna tad-Dritt (rispett lejn il-liġi) fil-pajjiż.

Intant Delia irrimarka li Fearna ma għandux bżonn isir Prim Ministru biex jibda jieħu azzjoni. Qal li Fearne diġà jinsab f’kariga ogħlja li tippermettilu jieħu azzjoni dwar dak li jħoss li qed isir ħażin. Delia sfida lil Fearne biex jiftaħ investigazzjoni fuqu. Sostna li issa żmien il-fatti u mhux żmien il-paroli. Irrimarka li hu la hu korrot u lanqas qatt ma ħasel il-flus.

Kien hawn li Delia qal lil Fearne sabiex fit-48 siegħa li jmiss iħares lejn dak li ħareġ fir-rapport tal-inkjesta Egrant, f’paġna 1,459, fejn il-Maġistrat qal li għandu jiġi investigat Cini tan-Nexia BT, u jordna li ssir investigazzjoni fuqu. Qal li jekk Fearne ifalli milli jagħmel dan, dak li ma jagħmilx Fearne se jagħmlu hu hekk kif ta’ struzzjoni lill-avukati tiegħu biex jitolbu li ssir investigazzjoni.

“Robert Abela kellu raġun”

Delia rrefera wkoll għal dak li qal id-deputat Robert Abela li wkoll qed jikkontesta għall-irwol ta’ mexxej tal-Partit Laburista. Abela kien sostna li bħalissa l-pajjiż għandu bżonn avukat imexxih. Dan jimplika li Fearne, skont Abela, bħalissa mhux l-aħjar għażla għall-pajjiż. Delia qal li Abela kellu parti mir-raġun meta qal dan il-kliem. Dan hekk kif avukat jifhem aktar dwar xi jfissru verament il-kliem ‘saltna tad-dritt’.

Hu u jitkellem dwar Abela, Delia nnota li Abela qal f’diversi okkażjonijiet li se jżomm l-istess kabinett ta’ Ministri. Hu rrefera għal dak li qal il-Membru Parlamentari Jason Azzopardi aktar kmieni fejn irrefera għal numru ta’ ministeri li jinsabu taħt investigazzjonijiet kriminali. Delia żied jgħid li jekk Abela jkun elett mexxej, ma tantx se ssir bidla u kollox se jibqa’ l-istess.

Bżonn ta’ pawża twila biex jissolvew il-kunflitti interni

Wara li Yorgen Fenech tressaq il-Qorti akkużat li kellu involviment fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Joseph Muscat ħabbar li hu kien se jirreżenja minn Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista. Dan kien se jagħmlu wara li jiġi elett mexxej ġdid. Delia qal li l-parlament waqaf u mar fuq vaganza twila. Dan ħalla pawża twila għall-Partit Laburista sabiex isolvi l-kunflitti interni tiegħu.

Hu sostna li Muscat ma rreżenjax iżda tneħħa mill-poplu. “In-nies li tawh il-poter huma l-istess nies li wasslu sabiex jitneħħa,” qal Delia. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li fl-istess waqt, il-pajjiż kien għaddej minn taqlib, ir-ratings bdew jinżlu u l-pajjiż baqa’ ma sema’ xejn dwar x’se jiġri bir-relazzjoni li kellu mal-bank korrispondenti tal-munita USD. Qal li l-pajjiż bħalissa qed jitħalla fi blackout ta’ informazzjoni.