Filmat: “Tajt kilwa lill-mara; mietet 18-il sena wara”

Read in English.

Raġel irrakkonta ma’ Newsbook.com.mt kif kien ta kilwa lil martu wara li mardet. Martu mbagħad għexet għal 18-il sena u nofs u mietet b’kawża tal-mewt separata mill-kliewi.

John Grima kien qed jitkellem ma’ Newsbook.com.mt waqt avveniment organizzat fl-iskola primarja ta’ San Alwiġi li jippromwovi l-bżonn tad-donazzjoni tal-organi. Waqt l-avveniment, 507 studenti ffurmaw qalb kbira fil-grawnd tal-iskola.

Grima spjega kif martu mardet bil-kliwei qabel ma żżewġu. Sal-1995 il-kliewi tagħha kienu spiċċaw u wara sentejn ikkonvinċa lit-tobba tal-Ingilterra biex jagħtuha waħda mill-kliewi tiegħu. Qal li wara din l-operazzjoni, gawda lil martu għal ftit aktar minn 18-il sena.

Hu kompla jgħid kif id-donazzjonijiet tal-organi jistgħu jsiru kemm waqt li wieħed ikun għadu ħaj, u anke wara mewtu. Qal li meta wieħed ikun għadu ħaj jista’, bħal ma għamel hu, jiddona kilwa lil persuna fil-bżonn. Spjega li m’hemmx bżonn li tkun taf il-persuna li se tkun qed tgħin u li hawn ħafna li jiddeċiedu li jagħtu kilwa lil pazjent anonimu. Insista li dawn il-persuni jkunu jistħu jgħixu ħajjithom jgħidu li hemm persuna oħra li qed tgħix bis-saħħa tagħhom.

Attivitajiet mat-tfal ta’ San Alwiġi

Fost l-attivitajiet li ġew organizzati mill-iskola fil-Ġimgħa msemmija Heartfealt Week u ffukata fuq il-ħajja, studenti spjegaw ma’ Newsbook.com.mt li qassmu fjuri u noti dwar is-suġġett ta’ din il-ġimgħa. L-attività saret bejn is-6 u t-13 ta’ Mejju u ġew organizzati bosta attivitajiet għat-tfal, anzjani u refuġjati fost oħrajn.

Il-Kap tal-Iskola, Daniela Camilleri Sacco, f’kumment li tat lil Newsbook.com.mt spjegat li t-tfal intalbu jilbsu flokk aħmar u jiffurmaw qalb kbira fil-grawnd tal-iskola, waqt li l-ġenituri u l-gwardjani legali, ġew inkoraġġuti jsiru donaturi.