Tajru ħamiem minflok bżieżaq

Ittajru ħamiem minflok bżieżaq waqt iċ-ċelebrazzjoni ta’ farewell għall-istudenti tat-tmien sena tal-Iskola Medja tal-Kulleġġ San Injazjufil-Ħandaq, limiti ta’ Ħal Qormi.
Dan sar b’inizjattiva mill-kumitat tal-Ekoskola bl-għajnuna tal-Assistent Kap,Rosann Mifsudu l-ħaddiem tal-komunità Brian Pace. 
Bħala parti minn din l-inizjattiva l-istudenti daru dawra fuq vapur madwar il-portijiet Maltin. Fil-bidu tal-mawra ġie spjegat għala kienu se jtajru ħamiem flok il-bżieżaq.
Ir-raġuni hija waħda: Il-ħamiem domestiku jerġa’ lura fil-gallinar ta’ sidu, filwaqt li l-bżieżaq jispiċċaw fl-art jew fil-baħar u jagħmlu ħafna ħsara lill-ambjent.
Josef Azzopardi, Assistent Kap u l-uffiċjal responsabbli mill-Ekoskola fl-istess skola, stqarr li matul is-snin, in-Nature Trust, f’isem l-Ekoskola, dejjem ħadmet biex trawwem student b’valuri favur l-ambjent biex ‘il quddiem ikunu ċittadini u mexxejja konxji tal-ambjent ta’ madwarhom.