Tajlandja: Ma jafux kif se jsalvaw lit-tfal; ħaddiem tas-salvataġġ imut

Reuters

Ħaddiem tas-salvataġġ Tajlandiż miet waqt li kien qed jaħdem sabiex joħroġ lit-12-il tifel u l-kowċ tagħhom li ilhom maqbudin f’għar taħt l-art fit-Tajlandja għal 13-il jum.

Jidher li minħabba l-ammont ta’ xita li nieżla fiż-żona, aktar kemm jgħaddi ż-żmien aktar qed issir impossibbli li dawn jinħarġu mill-għar.

Samaran Poonan, membru mill-flotta Tajlandiża li kien qed jgħin fil-missjoni ta’ salvataġġ f’Chiang Rai tilef ħajtu il-Ħamis filgħaxija wara li daħal fl-għar sabiex iħalli tankijiet tal-ossiġnu għat-tfal u l-kowċ f’rotta li potenzjalment setgħet twassal għall-ħruġ tagħhom mill-għar.

Skont wieħed mill-komandanti tal-flotta, malli Poonan ħalla t-tankijiet tal-ossiġnu f’posthom, intilef minn sensih hu u sejjer lura. Minkejja li s-sieħeb tiegħu fil-missjoni pprova jtih l-ewwel għajnuna, Poonan xorta spiċċa tilef ħajtu.

Il-komandnant insista li mhux se jħalli li ħajjet Poonan tkun intilfet għalxejn.