Tajjeb niftħu għajnejna għad-difetti tal-Knisja – L-Isqof Grech

Knisja difetti Isqof Grech
Noel Camilleri

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li forsi jkun ta’ ġid jekk il-Knisja tiftaħ għajnejha għad-difetti tagħha.

Waqt l-omelija tiegħu fil-Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fil-Ġublew Saċerdotali tad-Deheb ta’ erba’ saċerdoti mill-Parroċċa tax-Xagħra, Mons. Grech qal li mhux pjaċir tiegħu jisma’ bl-iżbalji tal-Knisja. L-Isqof irrefera għall-ġarar tal-fuħħar li qal li huma oġġett li jista’ jinkiser malajr, speċjalment jekk ikunu vojta.

Qal li l-Evanġelista San Ġwann juża’ dan is-sinjal biex jirreferi għan-natura tal-bniedem li huwa fraġli. L-Isqof fakkar fi kliem il-Papa Franġisku li qal li ħafna drabi l-bniedem jipprova jgħatti d-dgħufija tiegħu. “Hija tassew ħasra li għamilna mir-reliġjon tagħna ‘tellieqa biex nilħqu l-perfezzjoni morali’, bħallikieku jekk ma nkunux moralment perfetti, Alla ma jagħtiniex wiċċ!” saħaq l-Isqof.

L-Isqof irringrazzja lil  Dun Karm, Dun Salv, Dun Ġużepp u Dun Anton tal-50 sena tas-saċerdozju tagħhom. Fakkarhom li huma wkoll qed iġorru t-teżor tas-saċerdozju f’ġarar tal-fuħħar. “Aktar ma aħna s-saċerdoti nagħrfu u naċċettaw il-limiti u d-dgħufijiet tagħna, aktar naslu biex nifhmu lill-bniedem bil-limiti u d-dgħufijiet tiegħu” żied jgħid Mons. Grech.

Il-Quddiesa saret fil-Bażilika tat-Twelid tal-Verġni Marija fix-Xagħra fil-31 ta’ Awwissu.