“Tajjeb li l-aktar MEPs li ġabu voti kienu nisa” – Il-Ministeru għall-Ugwaljanza

Il-Ministeru għall-Ugwaljanza qal li huwa sinjal pożittiv ħafna li l-aktar MEPs li kisbu voti fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew kienu nisa, Miriam Dalli f’isem il-Partit Laburista, u Roberta Metsola f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Fi stqarrija, il-Ministeru qal li jittama li s-suċċess ta’ dawn in-nisa, anke ta’ Josianne Cutajar, li hija t-tielet MEP mara flimkien ma’ Dalli u Metsola, jispira lil iżjed nisa biex joħorġu għall-politika.

Minkejja dan, il-Ministeru qal li hu importanti li wieħed jinnota li dan ma jirriflettix sitwazzjoni ta’ ugwaljanza fil-politika, peress li Malta għandha t-tieni l-iżjed perċentwal baxx ta’ Membri Parlamentari fil-Parlament nazzjonali fl-Unjoni Ewropea. Il-Ministeru qal li hu beħsiebu jkompli jippromwovi parità ugwali fl-ogħla pożizzjonijiet.

Filmat: “Qed joqrob iż-żmien li l-mexxejja tal-PL u l-PN ikunu nisa”

Bosta huma dawk li għandhom l-opinjoni li fil-futur għad ikun hemm żmien meta żewġ nisa jkunu qed imexxu l-partiti politiċi l-kbar. Tal-istess fehma huwa d-Direttur tal-MISCO u l-Opinjonist Lawrence Zammit li spjega li r-riżultat tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew se jkun qed iwassal għal din l-eventwalità.