“Tajjeb li jkollkom ftit tad-dubju” – L-Isqof Grech lil 2 ordinandi

Read in English.

L-Amministratur Appostoliku ta’ Għawdex l-Isqof Mario Grech ħeġġeġ liż-żewġ żgħażagħ li x-xahar id-dieħel se jirċievu l-presbiterat u d-djakonat, sabiex iħaddnu ftit tad-dubju peress li d-dubju juri ħsieb kritiku u jitlob li wieħed jibqa’ jistaqsi u jsir jaf affarijiet ġodda dwar Alla.

Dalgħodu fil-Kappella tas-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù fir-Rabat, id-Djaknu Mario Mercieca u s-Seminarista Andrew Grima għamlu l-Istqarrija tal-Fidi u l-Ġurament tal-Fedeltà tagħhom quddiem Mons. Isqof Mario Grech, fid-dawl tal-Ordinazzjoni Presbiterali u Djakonali tagħhom rispettivament li se ssir fid-19 ta’ Ġunju li ġej.

Fl-omelija tiegħu, Mons. Grech tkellem dwar id-dubji u qal li minkejja li ċ-ċertezza hija sabiħa, meta wieħed iħossu ċert minnu nnifsu, ma jħossx il-ħtieġa li jistaqsi aktar u għalhekk iċ-ċertezza taf tkun xkiel kbir biex wieħed jikber. Skont Mons. Grech, id-dubju huwa “boxxla” neċessarja biex wieħed ma jikkattmax fil-ħsieb u fl-aġir tiegħu. Tahom il-parir, “Tibżgħux mid-dubju fil-ħajja Nisranija u saċerdotali tagħkom, għax id-dubju jistimula l-ħsieb kritiku.”

Issokta jgħid li d-dubju tajjeb li wieħed iżommu fil-fidi tiegħu, peress li dak li jkun jeħtieġ li jaħseb b’mod kritiku u oriġinali. Qal li, “Dan jiswa wkoll għalina s-saċerdoti: aħna m’aħniex ‘ripetituri’ ta’ duttrina, imma kanali fil-Knisja biex Alla jikkomunika mal-bniedem ta’ żmienna. Naturalment dan il-proċess mhux ħieles mir-riskju li wieħed jiżbalja. Imma nippreferi li wieħed fl-impenn ġenwin tiegħu in bona fide ma jkunx eżatt, milli li nkunu bħal pappagalli.”

Għaldaqstant, huwa tahom il-parir ukoll biex ladarba joħorġu mill-ambjent ta’ ċertezza tas-Seminarju, ifittxu li jkollhom direttur spiritwali, sabiex ħajjithom tkun proċess ta’ dixxerniment kontinwu. Fl-aħħar, Mons. Grech ħeġġiġhom biex iżommu d-djalogu tagħhom ma’ Alla, għaliex fit-talb, l-Ispirtu s-Santu jnebbaħhom kif għandhom jirreaġixxu fil-konfront tad-dubji u tal-mistoqsijiet tal-bnedmin li jirrikorru għandhom.