“Tajjeb li Gasan se toħroġ mill-Electrogas, imma mhux biżżejjed” – Repubblika

Read in English.

Tajjeb li l-familja Gasan iddikkjarat li qed tara kif toħroġ mill-Electrogas, imma dan mhux biżżejjed. Din kienet ir-reazzjoni tal-NGO Repubblika maħruġa fi stqarrija llum waranofsinhar.

Fl-istqarrija Repubblika qalet li dik li hija ddeskriviet bħala l-ġerħa nazzjonali tal-kuntratt maħmuġ tal-power station ta’ Joseph Muscat u Konrad Mizzi jidher li jista’ jkollu rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Repubblika qalet li  tesiġi li tkun magħrufa il-verità sħiħa u li ssir ġustizzja fejn kulħadd jirrispondi għal dak li għamel.

L-NGO qalet li tistenna li l-familja Gasan verament toħroġ il-verità sħiħa dwar:

  • kif inħema dan il-kuntratt;
  • il-laqgħat li saru qabel, waqt u wara il-proċess tat-tender;
  • arranġamenti dwar shareholding li jindikaw li kien hemm flus li kienu ser igħaddu lil Keith Schembri u Konrad Mizzi fost l-oħrajn;
  • ir-relazzjoni ma’ 17 Black;
  • u kull aspett ieħor marbut ma’ din il-fabbrika ta’ korruzzjoni.

Repubblika fakkret li minbarra l-familja Gasan hemm involuti wkoll il-familja Fenech, il-familja Apap Bologna, SOCAR u Siemens.

Hija temmet tgħid li qed tistenna li dawn ukoll iwettqu l-obbligu tagħhom biex jinħatt dan l-hekk imsejjaħ monument ta’ korruzzjoni li, skont l-NGO, Daphne Caruana Galizia ħallset għalih b’ħajjitha u l-poplu Malti qed iħallas għalih meta jħallas il-kontijiet tal-elettriku.

“Lest nieħu passi fil-Qrati biex jintemm il-kuntratt tal-Eleectrogas” – Bernard Grech

Il-kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal f’post fuq Facebook, li wara l-iżviluppi importanti li seħħew illum dwar li l-kumpanija privata Gasan ħabbret li trid toħroġ mil-linvestiment li għamlet fil-proġett tal-Electrogas, huwa sostna li jekk jingħata l-fiduċja li jmexxi lill-Partit Nazzjonalista, flimkien ma’ tim ta’ esperti, jara liema passi jistgħu jittieħdu fil-Qrati Maltin biex dan il-kuntratt jiġi mitmum u l-poplu jinħall minn ħlasijiet żejda li huma riżultat dirett tal-korruzzjoni.

Dr Grech qal li jidher biċ-ċar li minn proġett li kellu jkun il-mimmi ta’ għajnejn il-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi, dan spiċċa proġett tal-mistħija u monument tal-korruzzjoni.

Jekk ningħata l-fiduċja li mmexxi lill-Partit Nazzjonalista kif diġa ħabbart li, flimkien ma’ tim ta’ esperti, nara liema passi jistgħu jittieħdu fil-Qrati tagħna biex dan il-kuntratt tal-Electrogas jiġi mitmum u l-poplu jinħall minn ħlasijiet żejda li huma riżultat dirett tal-korruzzjoni.

Posted by Bernard Grech on Wednesday, September 23, 2020

“Nappellaw sabiex toħroġ il-verità kollha dwar il-proġett tal-Electrogas” – PN

Fi stqarrija maħruġa aktar tard, il-Partit Nazzjonalista qal li l-aħbar li l-familja Gasan qed tfittex li tirtira mill-proġett tal-power station tal-Electrogas “jikkonferma l-ħtieġa urġenti li ssir magħrufa l-verità kollha dwar dan il-proġett skandaluż.”

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba Karol Aquilina u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija Ryan Agius qalu li s-sejħa li l-Partit Nazzjonalista għamel sabiex il-Gvern jippubblika d-dokumenti kollha nkluż il-korrispondenza u l-kuntratti kollha fl-intier tagħhom u mingħajr ebda ċensura dwar il-bini tal-power station tal-Electrogas issa saret aktar urġenti u meħtieġa.

Sostnew li quddiem dan kollu l-Prim Ministru Robert Abela ma jistax jibqa’ aktar ċass iżda għandu jaġixxi kontra Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi li kienu l-imħuħ wara dan il-proġett. Qalu li bl-istess mod l-istituzzjonijiet tal-pajjiż għandhom jiżguraw li dawk li wettqu atti ta’ korruzzjoni b’rabta ma’ dan il-proġett jiġu investigati u għandhom isibu l-id iebsa tal-ġustizzja fil-konfront tagħhom.

“Għalhekk qegħdin mill-ġdid nappellaw lil kull min għandu informazzjoni dwar dan il-ftehim skandaluż biex jitkellem u jikxef il-ħażin kollu li sar. Bħala Partit Nazzjonalist aħna lesti ngħinu b’kull mezz disponibbli biex il-persuni li jikxfu informazzjoni jingħataw il-protezzjoni kollha meħtieġa fl-interess li toħroġ il-verità,” temmew jgħidu l-kelliema.