Tajjarha u mietet; ma nstabx ħati

Raġel ta’ 43 sena nħeles mill-akkużi li tajjar tfajla b’negliġenza, waqt li kien qed isuq vettura fil-Kottonera.

Ir-raġel, Ludvic Bartolo kien qed jiġi akkużat bil-qtil involontarju ta’ Sara Farrugia, tfajla ta’ 15-il sena meta din kienet qed taqsam it-triq qrib iċ-Ċentru Sportiv tal-Kottonera.

Magħha kellha lil ħuha ta’ sitt snin u t-tnejn intlaqtu mill-vettura misuqa mill-akkużat.

It-tfajla sofriet ġrieħi gravi f’rasha li wasslu għall-mewt tagħha, filwaqt li ħuha ż-żgħir ġarrab biss ġrieħi ħfief.

L-esperti tal-Qorti ċaħdu t-talbiet tal-prosekuzzjoni, li l-karozza misjuqa mir-raġel kellha xi ħsara fil-brejkijiet, jew li l-vettura kienet qed tinstaq b’veloċità eċċessiva. Huma nnutaw li l-vittma u ħuha kienu qed jaqsmu t-triq madwar 26 metru minn traffic lights.

Instab ukoll li s-sewwieq kien imfixkel minn bus stop u xi siġar.

Minħabba f’hekk, ir-raġel inħeles mill-akkużi miġjuba kontrih.