Tajjarha, akkużat li qatilha, mietet sentejn wara; ma nstabx ħati

Read in English.

Emerson Vella ma nstabx ħati li fid-9 ta’ Marzu qatel mara li mietet wara sentejn mill-inċident li seħħ f’Birkirkara. Madankollu huwa nstab ħati li ta sewqan traskurat u ġie kkundannat multa ta’ €3,000.

Fil-Qorti ħareġ kif fid-9 ta’ Marzu 2015 għall-ħabta tas-1.30am daħal rapport li kien għadu kemm seħħ inċident fi Triq Dun Karm Birkirkara fejn vettura daħlet ġo vettura oħra li kienet ipparkjata u mara li kienet fejn il-vettura tagħha spiċċat mal-art.

Wara li saret l-investigazzjoni preliminari fuq il-post, il-Pulizija saret taf li l-vittma Catherine Fenech marret tassisti lil binha wara li waqaf bil-karozza tiegħu minħabba x-xita. Waqt li l-vittma kienet qed tiftaħ il-bieba, l-akkużat laqat il-karozza u lill-vittma. Hija ttieħdet l-isptar Mater Dei u ġiet iċċertifikata li kienet fil-periklu li titlef ħajjitha.

Min-naħa l-oħra Emerson Vella ttieħed l-għassa u sarlu test tan-nifs biex jiġi identifikat jekk kienx qed isuq taħt l-influwenza tal-alkoħol. Huwa rriżulta pożittiv għal dan it-test. Fil-Qorti ħareġ ukoll li l-vittma mietet fl-1 t’April 2017 aktar minn sentejn wara l-inċident.

Wara li semgħet ix-xhieda kollha marbuta ma’ dan il-każ, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud ma sabitx lill-akkużat ħati li kkaġuna l-mewt ta’ Catherine Fenech iżda sabitu ħati li kien qed isuq b’mod traskurat u kkundannatu multa ta’ €3,000, kif ukoll iħallas l-ispejjeż tal-Qorti u ssospendietlu l-liċenzja għal sena.

Għall-imputat dehru l-avukati Franco Debono u Amadeus Cachia.