Read in English.
Sewwieq matul il-lejl li għadda, tajjar persuna, ħabat ġo tliet karozzi u abbanduna l-vettura tiegħu qabel ma telaq minn fuq l-post tal-inċident mingħajr ma avża lill-awtoritajiet.
Skont stqarrija tal-Pulizija kmieni dalgħodu, għall-ħabta 0315hrs, fi Triq il-Kbira, il-Mellieħa, persuna mhux magħrufa kienet qed isuq karozza fejn l-ewwel laqtet raġel Ingliż ta’ 40 sena residenti l-Mellieħa u baqgħet sejra bil-konsegwenza li ħabtet ġo tliet vetturi, pparkjati fl-istess triq, qabel ma abbanduna l-vettura u telaq minn fuq l-post tal-inċident.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u permezz t’ambulanza, r-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura fejn iktar tard, ġie ċċertifikat li qiegħed fil-periklu tal-mewt.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.