Tajani f’appell lill-Gvern: Wettaq ġustizzja ma’ Daphne

Il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani appella lill-Gvern Malti biex juża r-riżorsi kollha neċessarji biex iwettaq ġustizzja ma’ dawk li qattlu lil Daphne filwaqt li appella wkoll biex issir inkjesta indipendenti internazzjonali.
Antonio Tajani qal dan f’ittra li ntbagħtet lill-assoċjazzjoni ta’ ġurnalisti Taljani, Ronchi dei Legionari li se tonora lil Daphne Caruana Galizia billi tagħti premju għall-ġurnaliżmu fl-Italja f'isimha.
Dan il-premju se jingħata fil-festival tal-ġurnaliżmu tal-istess assoċjazzjoni li jsir f’Ġunju fir-raħal ta’ Gorizia, fir-reġjun ta’ Friuli Venezia Giulia.
Tajani stqarr li l-Parlament Ewropew għażel li jagħti l-patroċinju tiegħu għal dan il-premju minħabba li ried jensafizza l-inizjattivi kollha li jippremjaw il-ġurnalisti li jispikkaw għall-inkjesti u r-riċerka li jagħmlu filwaqt li jkunu anke qed joħolqu sfidi għal ħajjithom u dik tal-familji tagħhom.
Huwa wera l-apprezzament tiegħu għall-fatt li l-assoċjazzjoni ddedikat premju f’isem Daphne “biex tfakkar fil-valuri fundamentali li l-Unjoni Ewropea hi mibnija fuqhom: il-libertà tal-espressjoni, d-demokrazija u d-drittijiet fundamentali.
Reġa’ fakkar li l-Parlament Ewropew kien ikkundanna bl-aħrax l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Antonio Tajani kien qal li “rridu nsiru nafu wkoll min bagħat il-qattiel".
Ritratt: Arkivji