“Taħwida sħiħa jekk ikun hemm 3 eżamijiet tal-Malti”

Għadd ta’ entitajiet mid-dinja tal-ilsien Malti, u anki oħrajn, qalu li jekk ikun hemm tliet eżamijiet tal-Malti kulma se joħolqu konfużjoni u tgerfix bla bżonn fis-sistema edukattiva tat-tagħlim tal-Malti.
Fi stqarrija ffirmata minn 7 entitajiet, intqal li jekk verament il-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, irid jgħin lil aktar studenti biex jgħaddu, irid isaħħaħ it-tagħlim tal-Malti u jinvesti f’aktar riżorsi, mhux jifframmentah u jħawwad l-imħuħ ta’ kulħadd.
Ftit tal-ġimgħat ilu wkoll kienet qamet kontroversja nazzjonali dwar il-possibiltà li jkun hemm eżami tal-Malti bħala lsien barrani li jkunu jistgħu jibdew jagħmluh ukoll il-Maltin. 
Aktar tard il-Ministeru kien assigura li dan l-eżami mhux se jkun għall-Maltin, iżda għall-barranin biss, iżda xorta dakinhar għaqdiet tal-Malti kienu argumentaw li kulħadd għandu jagħmel l-istess eżami, għalkemm it-tagħlim ikun addattat għalih jekk ikun qed jitgħallmu bħala lsien barrani.
Il-pjan tal-Ministeru hu li minn Mejju tal-2022, l-eżami taċ-ĊES, jiġifieri tal-‘O’ Level, ikun jinqasam fi tlieta.
Tnejn minnhom diġà huma preżenti u kulħadd dara bihom, jiġifieri ż-żewġ karti li jkunu jindirizzaw żewġ livelli, dawk magħrufa bħala Paper A u Paper B.
Iżda l-Ministeru jrid idaħħal ukoll Il-Malti Vokazzjonali, li dwaru dawn l-entitajiet għandhom bosta mistoqsijiet, fosthom dawn:
“X’se jneħħi mill-ħiliet li l-istudenti jitgħallmu llum? Liema komponenti elementari tat-tagħlim tal-lingwa se jwarrab mill-edukazzjoni tat-tfal fis-sekondarja? Għal liema “vokazzjoni” (jew xogħol) se jkun immirat? Għall-“vokazzjoniijiet” kollha?”
Irrimarkaw li l-eżami preżenti taċ-ĊES dejjem tqies bħala l-istandard komuni ta’ għarfien fil-lingwa Maltija, bħala preparazzjoni bażika għal diversi setturi ta’ xogħol u istituzzjonijiet tal-edukazzjoni postsekondarja.
Ikkonkludew li l-Ministeru jrid joħloq livelli differenti bejn “il-Malti Vokazzjonali” u l-Malti ĊES, fejn tinħoloq sistema ta’ “rotot differenti”  biex tagħti l-impressjoni li l-Malti Vokazzjonali u l-Malti li għandna llum huma biss metodi differenti ta’ tagħlim iżda li jeħtieġu eżamijiet differenti bl-istess livell ta’ kwalifika (MQF3).
“Iż-żewġ eżamijiet se joħolqu segregazzjoni bejn gruppi ta’ studenti li, fi stadju bikri wisq f’ħajjithom, se jintalbu jieħdu rotta partikulari ħafna, marbuta ma’ kategorija ta’ xogħol, mingħajr ma jkollhom ċans ta’ flessibilità fl-għażliet tagħhom aktar tard, bħalma jkollhom studenti oħra mgħallma l-Malti li għandna llum (ĊES) skont il-livell sekondarju stabbilit”, argumentaw l-għaqdiet.
Finalment, talbu lill-Ministru Bartolo jindirizza s-sitwazzjoni ta’ studenti li mhumiex jagħmlu l-eżamijiet fi tmiem l-edukazzjoni sekondarja, u mhux joħloq sistema li tgħatti din il-problema b’ċertifikati ugwali għal livelli differenti ta’ ħila.
Il-firmatarji huma l-Akkademja tal-Malti, id-Dipartiment tal-Malti tal-Università, d-Dipartiment tal-Malti tal-Junior College (UM), l-Għaqda tal-Malti – Università, Għaqda tal-Qarrejja tal-Provi tal-Malti, Għaqda Poeti Maltin, l-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa, l-Università ta’ Malta u Dr Sarah Grech (Centre for English Language Proficiency).
Irridu Malti iktar relevanti, attwali, frisk – Ministeru għall-Edukazzjoni
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li l-proposti tiegħu tfasslu biex jilħqu iżjed lit-tfal u żgħażagħ “li matul is-snin tħallew jaqgħu lura.” Il-Ministeru qal li jrid li t-tagħlim tal-Malti jissaħħaħ biex aktar studenti jkunu jistgħu jużaw il-Malti tajjeb. Qal li min diġà sejjer tajjeb fil-Malti mhux se jara tibdil.
Skont il-Ministeru 61% tal-istudenti jirnexxilom juri li kisbu l-ħiliet fil-livell SEC però hemm min mhux qed jikseb il-ħiliet bażiċi. Qal li hemm “madwar 39% tal-istudenti ta’ 15-il sena li qed isibu alternattivi li lilhom ukoll jirnexxilhom iwassluhom sabiex jiksbu sew il-ħiliet fil-Malti.” Qal li hemm bżonn programmi ta’ kwalità li jkunu addattati b’mod individwali.
Il-Ministeru jrid jara Malti “iktar relevanti, attwali, frisk, u ħaj għall-istudenti”. Spjega li l-ħsieb li jsir programm ta’ Malti applikat li jwassal sat-tielet livell tal-Qafas Malti tal-Kwalfiċi (MQF) kien irrakkomandat lil Malta minn esperti mqabbda mill-Kunsill tal-Ewropa biex jistħarrġu s-sitwazzjoni tal-lingwi f’Malta.
Il-Ministeru qal li l-Malti vokazzjonali “ilu snin snin jitħaddem b’suċċess fil-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST)”. Eluf ta’ studenti laħqu t-tielet livell tal-MQF.
Skont il-Ministeru, il-Malti SEC kif inhu bħalissa li jasal sat-tielet livell tal-MQF se jissaħħaħ bis-sehem ta’ esperti minn oqsma differenti.
Il-Ministeru qal ukoll li “l-Qafas Malti tal-Kwalifiċi kif irregolat mil-liġi Maltija jagħti l-possibilità li wieħed  jasal għat-tielet livell tal-MQF permezz ta’ rotot differenti. Dan huwa dak li se jsir permezz tas-suġġett tal-Malti applikat. Fil-ġimgħat li ġejjin il-Ministeru se jħabbar il-qafas tar-rotta applikata li fih se jitħaddem is-suġġett tal-Malti applikat.”