“Taħt kontroll”; jinżlu għal 8 il-priġunieri bil-Covid-19

Faċilità Korrettiva ta' Kordin
Facebook

Bħalissa fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hemm tmien priġunieri li huma pożittivi għall-Covid-19. Ġimagħtejn ilu l-għadd ta’ priġunieri infettati kien imiss l-20 persuna.

Għal numru ta’ mistoqsijiet li bagħat Newsbook.com.mt, kelliema għall-Ministeru għall-Intern qalet biss li “is-sitwazzjoni tinsab taħt kontroll u li kull deċiżjoni tittieħed skont il-pariri tal-esperti mediċi li huma f’kuntatt dirett mal-awtoritajiet tas-saħħa”. Dan jikkuntrasta ma’ dak li nstema’ jgħid id-Direttur tal-Ħabs il-ġimgħa li għaddiet li “aħna tlifna l-kontroll issa, u ma nistgħux naqflukom għal 15-il jum. B’dawn il-priġunieri kollha anke rvell jista’ jseħħ”.

Għal mistoqsijiet oħra ta’ din il-kamra tal-aħbarijiet, il-kelliema qalet li “kull suġġeriment mhu xejn għajr spekulazzjoni jew sensazzjonaliżmu”. Dawn il-mistoqsijiet kienu:

  • Tikkonferma li ***** tal-ħabs instab pożittiv? X’passi se jittieħdu peress li kellu diversi kuntatti ma’ priġunieri? Se jingħalqu fi kwarantina?
  • Id-Direttur tal-Ħabs instema’ jgħid: “Aħna tlifna l-kontroll issa, u ma nistgħux naqflukom għal 15-il jum. B’dawn il-priġunieri kollha anke rvell jista’ jseħħ”. X’inhi r-reazzjoni tal-Ministeru dwar dan?
  • Għaliex Diviżjoni 6 kienet magħluqa u ma kinitx qed tintuża għal xi jiem?
  • Li kien hemm każ ta’ priġunier li talab lill-uffiċjal tiegħu biex jagħmel swab test, l-uffiċjal ċempel il-kamra medika li qalulu li skont l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet tal-ħabs, priġunieri sintomatiċi biss jiġu ttestjati u li ma jsirux testijiet random. Tikkonferma? Għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni?
  • Kemm-il priġunier u ħaddiema tal-ħabs ittestjaw pożittivi? Kemm minnhom irkupraw?
  • Kemm-il priġunier u ħaddiema tal-ħabs qegħdin kwarantina?
  • Fejn qed jitpoġġew il-priġunieri li jkunu kwarantina u li jkunu pożittivi?
  • Kemm saru swab tests b’kollox s’issa?

Din il-kamra tal-aħbarijiet irċeviet diversi reazzjonijiet għall-artiklu li ttratta sitwazzjoni allarmanti fil-ħabs minħabba l-Covid-19, li enfasizza dwar il-bżonn imminenti ta’ iktar spazju biex il-priġunieri jingħataw iktar dinjità u li minħabba l-imxija tal-coronavirus, in-nuqqas ta’ spazju kulma jmur qed jinħass iktar.

Esperti fil-qasam korrettiv qalu ma’ Newsbook.com.mt li fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u f’faċilitajiet oħra għandhom:

  • Jiddaħħlu jew jiġu infurzati sistemi effettivi biex jiġi llimitat it-tixrid tal-virus. Dan billi jkun hemm żoni distinti fejn priġunieri vulnerabbli jistgħu jipproteġu lilhom infushom
  • Il-priġunieri sintomatiċi jitpoġġew f’post ieħor fejn jistgħu jiżolaw irwieħhom, u dawk li jaslu ġodda jistgħu jagħmlu kwarantina, separati f’żona oħra
  • Il-ħolqien ta’ ċelel temporanji sabiex il-priġunieri jkunu jistgħu jkunu mbiegħda minn xulxin (social distancing)
  • Il-priġunieri jitpoġġew fi bżieżaq soċjali u ma jkunx hemm interazzjoni bejn id-diviżjonijiet; ma jużawx il-vann tal-ħabs biex imorru minn post għall-ieħor; ma jmorrux kollha flimkien għall-quddies, l-iskola u l-gym.
  • It-telefowns u l-kmamar għandhom jiġu mnaddfa aktar spiss u b’mod iktar intensiv.
  • Iż-żjarat għandhom jitnaqqsu kemm jista’ jkun filwaqt li jiġu pprovduti handsets mobbli biex isiru t-telefonati u jitqassam ukoll il-kreditu żejjed.

L-istess esperti li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt esprimew l-apprezzamment tagħhom għal dawk li qed jagħmlu l-impjegati kollha tal-ħabs f’dan iż-żmien partikolari fosthom l-uffiċjali, it-tobba u l-infermiera. Jirrikonoxxu wkoll l-isfidi sinifikanti li qed taffaċċja l-Faċilità f’dawn iż-żminijiet speċjalment biex il-priġunieri jiġu trattati b’mod dinjituż.

*****L-irwol ta’ din il-persuna ma nkitibx f’dan l-artiklu biex ma tiġix identifikata