“Taħsibnix tal-laħam” – konsulent lil pazjenta

Esther Sant, kofundatriċi u Ċerpersin tal-Fondazzjoni Action for Breast Cancer (ABCF) tirrakkonta kif ma setgħetx temmen li ħakmitha l-marda tal-kanċer tas-sider meta kellha 36 sena.

Waqt programm fuq RTK 103FM, Esther, li għandha tlett itfal, kienet qalet li għalkemm kienet semgħet fuq il-kanċer tas-sider qatt ma kienet tatu importanza.

Esther irrakkuntat kif darba t-Tnejn filgħodu sabet ma’ wiċċha lit-tabib tal-familja d-dar tagħha minkejja li ma kinitx bagħtet għalih. Huwa spjegalha li kellha kanċer tas-sider, iżda hi minnufih qaltlu biex jerġgħu jirrepetu t-testijiet kollha għax ma setax ikun. Wara li ħadu t-tieni opinjoni aċċertaw ruħhom li kien minnu.

L-omm spjegat li dak il-ħin bdiet tħoss li qisu hemm bomba se tisplodi fuqha. Meta kienet qed titkellem mal-konsulent li għamlilha l-intervent, qalilha, ’Esther don’t think I’m a butcher‘.  Il-konsulent taha ħamest ijiem biex tiddeċiedi jekk kinitx se tagħmel l-intervent. Esther spjegat il-biża’ li kienet qed tħoss, u l-ewwel istint kien li tirrifjuta. Iżda mbagħad żammet f’moħħha saħħitha u l-familja tagħha u ddeċidiet li tagħmilha. Spjegat li minkejja li l-estetika hija importanti ħafna, is-saħħa tissupera kollox.

Esther qalet li bħala familja fittxew għajnuna psikoloġika biex jifhmu kif kienu se jgħidu lit-tfal,  kif ukoll kif bħala familja kienu se jirreaġixxu għal din il-bidla f’ħajjithom.

“Helen Muscat kienet waħda mill-persuni li ispirawni”

Esther sellmet il-memorja tal-fundatriċi ta’ ABCF Helen Muscat li kienet waħda mill-persuni li ispirawha. Qalet li huwa dmirha biex dak li tgħallmet mingħand Helen u mingħand persuni oħra, tużah biex tgħin lil ħaddieħor. Semmiet kif fis-sena ta’ qabel ma mietet, Helen ingħatat Ġieħ ir-Repubblika. Fakkret li l-fondazzjoni kienet strumentali biex f’Malta ddaħħal l-iscreening tas-sider.

Appellat biex dak li jkun, ikun aktar konxju tal-kummenti li jgħaddi fuq ħaddieħor għax ma jkunx jaf mil-liema sitwazzjoni jkun għaddej. Qalet li kultant is-silenzju huwa messaġġ minnu nnifsu.