Taħriġ tal-Handball b’xejn fis-Sajf

Phoenix Sports Club qed jittrattaw il-problema dejjem tikber tal-obeżità fit-tfal Maltin billi qed joffru taħriġ fil-handball b'xejn waqt il-vaganzi tas-Sajf.
Subien u bniet interessati huma mħeġġin jitgħallmu u jippruvaw dan l-isport ġdid filwaqt li jieħdu vantaġġ minn din l-opportunità unika biex jagħmlu ħbieb ġodda, jibqgħu attivi u jkunu parti minn tim.
"Il-Handball huwa sport dinamiku ħafna u b'ritmu mgħaġġel, u wieħed li reċentement kiseb ħafna popolarità f'Malta. Permezz ta' skema ta' coaching b'xejn fis-Sajf qegħdin nimmiraw li ninkoraġġixxu lill-ġenituri jqisu l-isport bħala dixxiplina li tikkumplimenta t-tagħlim tat-tfal tagħhom u jibqgħu attivi. Ix-xewqa tagħna hi li nħeggu tfal ikunu aktar attivi u jitbiegħdu mill- ħajja sedentarja tagħna," qal il-President u fundatur tal-Phoenix Sports Club, Orlando Bonnici.
Il-loghba tal-Handball hija t-tieni logħba l-aktar popolari fl-Ewropa u ilha f'Malta għall-aħħar għoxrin sena. Huwa sport Olimpiku li fih żewġ timijiet b'gowler u sitt players u l-għan tal-logħba hu li wara żewġ taqsimiet ta' 30 minuta 'il waħda it-tim bl-aktar gowls joħrog rebbieħ.
Il-coaching fil-handball se jingħata b'xejn lil kull tifel u tifla ta' bejn 10 u 14 u se jibda fl-ewwel ta' Lulju. Is-sessjonijiet tas-subien se jkunu r-Rabat filwaqt li tat-tfajliet se jsiru l-Mosta.
Dawk interessati huma mħeġġa jikkuntattjaw lil Orlando Bonnici fuq 79449359, fuq l-e-mail lil info@psc.com.mt sal-25 ta' Ġunju jew fuq: www.facebook.com/Phoenixsportsclubmalta.