Taħriġ fl-iskejjel għall-użu aħjar tat-Taljan mitkellem

Waqt żjara fl-iskola Primarja tal-Kulleġġ Santa Klara f’San Ġwann, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo ħabbar numru ta’ inizjattivi li se jidħlu fis-seħħ matul is-sena skolastika li jmiss f’Settembru li ġej.
Il-Ministru Bartolo qal li r-roħs ta’ 10% fl-uniformijiet tal-iskejjel se tkun biss waħda minn għaxar miżuri importanti li se jibdew minn Settembru.
Qal li se jibdew il-lezzjonijiet tal-etika għal dawk l-istudenti li ma jsegwux il-lezzjonijiet tar-reliġjon.
Għal dan il-għan se jkun hemm għalliema imħarrġa b’ċertifikati mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni.
Il-Ministru Bartolo ħabbar ukoll li se jibda s-suġġett tal-accounts fl-iskejjel sekondarji u fi skola waħda se jibda programm edukattiv tal-użu aħjar tat-Taljan mitkellem.
Enfasizza fuq il-bżonn li dan il-programm jiġi estiż għal lingwi oħra bħall-Franċiż, il-Ġermaniż u l-Ispanjol imma wkoll għall-Malti.
Fi kliem Evarist Bartolo hawn ħtieġa ta’ dan il-programm għall-Malti wkoll minħabba diffikultajiet ukoll fil-kitba.
Fost l-inizjattivi li ġew elenkati hemm ukoll il-middle schools u l-koedukazzjoni li se tinfirex fil-kulleġġi kollha f’Malta u Għawdex.
Il-Ministru qal li ntlaħaq ftehim mal-bord tas-SEC biex il-ħames suġġetti vokazzjonali jiġu rikonoxxuti bħala SEC filwaqt li mill-2016 se jibdew il lezzjonijiet tal-ospitalita’ f’Għawdex.