Taħriġ dwar is-sesswalità jsir ukoll fir-Resource Centres

Arkivji

L-istudenti tar-Resources Centres, skejjel atrazzati skont il-bżonnijiet speċifiki tal-istudenti, jingħataw ukoll taħriġ dwar is-sesswalità.

Wara li d-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr Martin Micallef qal li l-persuni b’diżabilità għandhom jingħataw edukazzjoni sesswali, Newsbook.com.mt staqsa lill-Ministeru għall-Edukazzjoni x’tip ta’ edukazzjoni sesswali jirċievu persuni b’diżabilità u persuni li jkunu allokati learning support educator (LSE).

Kelliema għall-Ministeru qalet li studenti li huma f’Resource Centres jingħataw dan it-tagħlim skont l-abbiltà u l-fakultà intellettwali tagħhom. Qalet li “l-Uffiċjali Edukattivi tal-lezzjonijiet tal-Iżvilupp Personali, Soċjali, u tal-Karriera (PSCD) jaħdmu ħafna mill-qrib ma’ dawn iċ-ċentri u flimkien mat-tim amministrattiv jorganizzaw laqgħat  u sessjonijiet ta’ taħriġ, anke mal-ġenituri biex huma wkoll jitgħallmu kif għandhom jitkellmu ma’ uliedhom fuq temi bħal dawn. F’dawn il-laqgħat ikun hemm ukoll ners speċjalizzata flimkien mal-Uffiċjal Edukattiv tal-PSCD li jmexxi dawn il-laqgħat ta’ taħriġ.”

Il-kelliema wieġbet ukoll li kull student li huwa allokat LSE u li jattendi fi skejjel mainstream jieħu l-lezzjonijiet tal-PSCD ma’ sħabu. “L-għalliema, kif inhu mistenni minnhom,  jadattaw skont il-grupp li jkollhom quddiemhom” spjegat il-kelliema.