Taħrab mill-Pulizija, tinqabad għax ikollha panċer; meħlusa mill-arrest

Żagħżugħa li ppruvat taħrab mill-pulizija l-Ħamis imma ma rnexxilhiex minħabba panċer fit-tajer tal-karozza ngħatat ħelsien mill-arrest mill-Qorti s-Sibt.

Iż-żagħżugħa ta’ 24 sena mill-Mosta kienet qiegħda ssuq fin-Naxxar meta kienu se javviċinawha uffiċjali tal-pulizija mit-Taqsima tad-Droga. Hi ppruvat taħrabhom billi telgħet minn fuq is-central strip u spiċċat fuq in-naħa l-ħażina tat-triq. Madankollu, din il-ħarba marret żmerċ peress li ż-żagħżugħa kellha panċer fit-tajer tal-karozza, u b’hekk, il-pulizija rnexxielhom jarrestawha għax sabu l-kannabis u armi pprojbiti fil-karozza tagħha.

Hija ġiet arrestata fuq l-akkużi ta’ possessjoni tal-kannabis, talli rreżistiet l-arrest, talli m’obdietx l-ordnijiet, talli saqet b’mod perikoluż, talli ppruvat tgħaddi minn fejn mhux suppost, u talli kellha arma ppuntata mingħajr il-liċenzja neċessarja. Kisret ukoll il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest ta’ qabel.

Id-Difiża tal-mara talbet għall-ħelsien mill-arrest, għax qalet li skont il-Qorti Ewropea, il-ħelsien mill-arrest għandu jassigura li l-akkużata tkun preżenti fil-Qorti waqt is-smigħ, u hija dejjem kienet preżenti fis-sentejn li kienet ilha tidher il-Qorti, u dejjem imxiet mal-ordnijiet tal-Qorti.

Għaldaqstant, il-Maġistrat Ian Farrugia ta liż-żagħżugħa l-ħelsien mill-arrest, b’depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €5,000.